Bormla, L-immakulata u L-fratellanza Ġużeppina
- Daniel Mangion
- Feb 17, 2022
- 3 min read
Meta kont imexxi grupp taż-żgħażagħ ġewwa Ħal Qormi, kont impressjonat b’kemm il-frattellanzi jtuhom importanza. Aktar ma fittixt aktar sirt naf li l-frattellanzi ssibhom tista’ tgħid madwar Malta kollha.
Jekk ikolli nara liema festa xitwija nkun qed nistenna bil-ħerqa bla tlaqliq inwieġeb il-festa tal-Kunċizzjoni ta’ Bormla. U allura ħsibt li ngħaqqad dawn iż-żewġ temi, u tkellimt mas-Sur Adrian Micallef.

Bla ma ridt saqsejtu jekk jinvolviex ruħu fil-festa tant maħbuba mil-Bormliżi u bla tlaqliq weġibni li iva. Interessanti li n-namra għal festa tibda minn eta żgħira ħafna u xi kultant anke jekk wieħed ma jkollux lil xi ħadd li jiġi minnu li jkun involut fil-festa.
“Il-ħajra tiegħi lejn il-festa/festi li jsiru fil-Parroċċa ta’ Bormla bdiet ferm żgħir. Għalkemm qatt ma kelli ‘l ħadd involut direttament fil-ħidma varja tal-parroċċa, pero l-fatt li noqgħod zewġ passi bogħod mill-Knisja ghamilili faċli u kważi dmir li ninvolvi ruħi.
Bdejt tista’ tgħid ta’ ħames snin meta ħadt sehem għall-ewwel darba fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, u għadni sal-lum mingħajr ma fallejt darba, la lilha u l-ebda purċissjoni ħhra li toħroġ mill-Parroċċa. L-involviment tiegħi jvarja. Jien nemmen ħafna li festa hija ħaġa waħda li tinvolvi bosta aspetti. Tneħħi aspett, nħoss li ma tkunx festa kompluta. Minn ta’ madwar 14-il sena bdejt ninvolvi ruħi fil-grupp tal-voluntiera li jarmaw il-knisja għall-festi varji matul is-sena. Minn hemm mbagħad għaddejt għal mal-grupp li jarma barra għall-festa. Bdejt ninvolvi ruhi magħhom l-ewwel fis-snin1999/2000, fejn għamilna żewġt isjuf sħaħ naħdmu d-dawl għal mal-faċċata tal-knisja li dak iż-żmien kien inkariga ruħu minnha Ġużi Galea (d-daqni). Ovvjament dan ġab l-involviment tiegħi fil-kumitat tal-festa matul iż-żmien ukoll. Waqaft fis-sena 2013 mill-kumitat, pero’ għadni sal-lum nagħti sehemi fi ħdan l-istess grupp. Pero fl-istess waqt ma waqaft qatt ngħin ġol-knisja. Aktar u aktar minn mindu laħaq il-kuġin tiegħi, Jonathan Farrugia, bħala s-sagristan tal-Parroċċa, kif ukoll li minħabba li l-voluntiera bdew jonqsu ħabba l-eta jew imwiet.”
U allura fiex tidħol il-frattellanza? Kif bdiet il-ħajra li jingħaqad mal-Frattellanza Ġużeppina? Il-Bormliżi għandhom festa Ġużeppina ukoll?
“Il-festa ta’ San Ġużepp minn dejjem kienet festa għal qalbi. Għandi n-nannu, Alla jaħfirlu, Rabti Ġużeppin. Din il-ħaġa ma setgħetx tkun aqwa biex jien ma nkunx inħobb lil San Ġużepp. Bniedem ieħor li mingħajr ma trid kien iġiegħlek tħobb lil San Ġużepp, kien il-mibki Dun Ġużepp Bonello, ġar tiegħi ukoll inzerta. Allura kienet taħlita tajba li għamlitili l-imħabba għal San Ġużepp aktar faċli.

Għalkemm bħala ‘Fratellanzi’ f’ Bormla m’ humiex kif nimmaġġinaw postijiet oħra, napprezza ferm l-għarfien tal-Arċiprieti li kelna dejjem li kull meta jkun hemm bzonn li nirrapreżentaw lill-Parroċċa bħala Fratellanza ta’ San Ġużepp, jgħadduli l-korrispondenza u jafdawni ngħaqqad grupp ta’ fratelli sabiex nagħmlu dan.
Il-Festa ta’ San Ġużepp, għalkemm Dun Bonell, ilu mejjet mill-2008, pruvajna nżommu l-istess livell li kien iżommha huwa kemm jista’ jkun, dan għaliex biż-żmien mhux dejjem ikun possibbli”
Ovvjament il-festa ta’ Bormla ġġib mumenti sbieħ għal Adrian Micallef… imma mhux forsi bħalma ħafna jgħidu li tkun xi mument sabiħ u partikolari waqt xi ċelebrazzjoni artistika u esterna.
“Naħseb li l-iktar mument li jibqa’ f’ moħħi u f’qalbi għalkemm jgħaddu s-snin huwa t-Transulazzjoni li kienet saret f’Ġunju 2005, mill-Knisja tal-Patrijiet Tereżjani Sklażi. Ovvjament imbaghad it-Transulazzjoni ta’ kull sena huma l-aktar mumenti li nkun qiegħed nistenna bil-ħerqa.”
Dawn in-naħiet ta’ Malta għandhom sfida kemmxejn differenti minn dik ta’ partijiet oħra ġewwa Malta. Dan għaliex kopji żgħażagħ ma tantx ifittxu l-inħawi tal-Kottonera, bil-konsegwenza li l-popolazzjoni f’dawn in-naħiet hi kemmxejn anzjana u dan iġib l-isfidi tiegħu. Il-pandemija ukoll ħalliet impatt, speċjalment minħabba li wasslet biex nies kemmxejn vulnerabbli jibżgħu joħorġu u jiltaqgħu man-nies.
“Bħala pandemija kellha ftit effett fuqna. Aħna Parroċċa ftit anzjana. Voluntiera għandna bosta li huma anzjani. U ovvjament għamlu żmien bdew jibżgħu joħorġu u hekk. Pero’ għal grazzja t’Alla, dejjem sibna appoġġ minn fuq kull min dorna fuqu għal għajnuna. Speċjalment din is-sena 2021, fejn sabiex armajna l-Knisja u żarmajniha dejjem konna grupp tajjeb u żgħażugħ. Grupp mħallat bejn tal-festa ta’ barra, reffiegħa u voluntiera oħra li ġew jagħtu daqqa t’id lis-Sagristan tagħna.”
U x’futur qed jara s-Sur Adrian Micallef għal festa Maltija, kemm dak spiritwali u anke dak estern?
“Il-futur tal-festa Maltija niġbru fi ftit kliem. Tkun ħasra jekk nitilifuha. Kemm lilha u kemm l-ispirtu Nisrani u kulturali li trabbejna fih. Sfortunatament il-ħajja u l-inżul u t-tlugħ tagħha, qed jimmina dan il-volontarjat, għax mhux iħalli biżżejjed ħin liberu li wieħed ikun jista’ joffri għaliha.”

Comments