Pawlu tal-Gafà
- Daniel Mangion
- Feb 9, 2022
- 3 min read
Kif twelidt għammduni fil-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu fil-Belt Valletta, ċertament li fuq insistenza ta’ missieri. Trabbejt f’devozzjoni kbira lejn San Pawl u l-kitbiet tiegħu. In-nannu u ħutu, li jafuhom b’ Ta’ Mangion ta’ wara s-suq, komplew jisqu fija l-imħabba lejn San Pawl u s-Società Filarmonica Nazionale La Valette. Għalekk bla ma rrid kienet naturali li xi darba jew oħra ninvolvi ruħi b’xi mod jew ieħor fil-festa. Mhux ħa noqgħod indur mal-lewża. F’kull artiklu pruvajt nibqa imparzjali imma llum ma nafx kemm ser jirnexxieli.

Għalina il-Pawlini il-qofol kollu tal-festa hija li naraw il-vara maestuża ta’ San Pawl fit-toroq tal-Kapitali. Il-bieraħ ħarġet l-aħbar li San Pawl ser jinħareġ mill-knisja. Vera li mhux purċissjoni kif nafuha normalment, imma dan huwa pass ferm importanti, li joffri tama mhux biss għalina l-Pawlini, imma wkoll għad-dilettanti tal-festi kollha. Kif ħarġet l-aħbar ikolli ngħid li qabbżitli demgħa, bil-ferħ. Emmnuni ma nixba qatt inħares lejn din il-ġmiel ta’ din il-vara, b’moviment espressiv u wiċċ li jkellmek, kapolavur ta’ Melchiorre Cafa’. Imma x nafu dwar dan l-artist?
Twieled il-Birgu, Malta, bin Marco Gafà u Veronica, imwielda Spiteri, u kien id-disa' tifel fost għaxar ulied. Tgħammed fil-21 ta' Jannar 1636
X’aktarx li ta' xi għaxar snin, Gafà kien lavrant mal-iskultur Dozzinale, il-Birgu. Meta kavallier Spanjol talab lil Dozzinale biex jagħmillu xi statwi għall-villa tiegħu f'Casal Paola u dan ma aċċettax, il-kavallier offra x-xogħol lit-tifel Gafà. Tant għoġbu x-xogħol li ħa t-tifel taħt il-protezzjoni tiegħu.
Ta’ xi sittax-il sena kien lavrant mal-iskulturi Casanova, fosthom Michele, Antonio u Damiano. Dawn kienu jaħdmu fil-ġebla tal-franka u kellhom ħanut il-Birgu. Gafà kien imdaħħal magħhom fix-xogħol fil-Kappella Torres fil-Katidral ta' Siracusa fi Sqallija.
Ma nafux żgur kif Gafà ħalla Malta għal Ruma u min għenu biex jitlaq. Nistgħu nissuspettaw xi patrunaġġ mill-Kavallieri, ekkleżjatiċi jew nobbli Taljani li kienu Malta. L-iskultur żagħżugħ kien ingħata parir għaqli għax daħal fil-bottega tal-iskultur stabbilit Ercole Ferrata mill-ewwel meta wasal Ruma. X'aktarx ma kienx hemm appoġġ uffiċjali mill-Kavallieri għax meta ġie kkunsidrat għall-ewwel darba għax-xogħol fil-Kon-Katidral ta' San Ġwann, l-ambaxxatur tagħhom f'Ruma sejjaħlu "un certo Maltese". Hemm suġġeriment li kellu l-għajnuna ta' Fabio Chigi, li sar Papa Alessandru VII, li kien delegat Apostoliku bejn l-1634 u l-1639 u kien joqgħod il-Birgu. Suġġeriment ieħor hu li kien megħjun mill-kavallier Fra Giovanni Bichi, li kien dam joqgħod Malta imma dak iż-żmien kien ilu ftit joqgħod Ruma.
Meta daħal fil-bottega ta' Ferrata, l-ewwel xogħlijiet tiegħu kienu statwi għal knejjes fil-Belt Valletta: il-Madonna tar-Rużarju għall-Knisja tad-Dumnikani, li waslet Malta f'Mejju tal-1661 u San Pawl għall-Knisja tan-Nawfraġju ta' San Pawl, liema vara kienet ordnata mill-familja Testaferrata u mogħtija lill-knisja qabel l-1694.
L-ewwel kummissjoni indipendenti importanti tiegħu kienet fl-1660 għall-Knisja prestiġjuża ta' Sant'Agnese in Angone, fi Pjazza Navona. Din kienet għat-titular skolpit tal-altar ta' Sant'Ewstakju u ordnah Camillo Pamphili. Kif jidher mill-abbozzi, Gafà ħadem ħafna fuq il-preparazzjoni għal dan ix-xogħol. Pamphili tant għoġbuh dawn il-buzzetti li fl-1663 tah kummissjoni oħra biex jagħmel statwa li tirrapreżenta l-Karità ta' San Tumas għall-kappella tal-familja tiegħu fil-Knisja ta' Santu Wistin, ukoll fi Pjazza Navona.
Minkejja s-suċċess tiegħu, Gafà baqa' jaħdem fl-istudju ta' Ferrata u bejn l-1663 u l-1667, hu u Ferrata kienu joqogħdu fl-istess dar. Però jidher li Gafà kellu grupp jaħdem miegħu. Pereżempju, fl-1664 l-iskultur Sqalli Pietro Papaleo kien student tiegħu u l-pittur Michelangelo Mamilla kien jogħqod miegħu.

Fis-sena 1662 kellu ordni għal titular skolpit jirrappreżenta l-Apoteożi ta' Santa Katerina ta' Siena għall-Knisja tad-Dumnikani ta' Santa Caterina a Magnapoli. Fl-istess żmien, Gafà, kiseb ordni għal statwa ta' Santa Roża ta' Lima biex tintuża fiċ-ċerimonji tal-beatifikazzjoni u wara tittieħed fil-Knisja ta' San Domingo, f'Lima, il-Perù.
Fl-istess żmien waqt li Gafà kien qiegħed jaħdem fuq erba' kummissjonijiet monumentali, ikkuntattjawh il-Kavallieri ta' Malta. Sa dak iż-żmien kellu xogħol biżżejjed u pożizzjoni stabbilita biżżejjed li seta' jgħid lil Gran Mastru Cottoner biex jistenna sa meta jmissu. Wara xi tħassib, Gafà accetta x-xogħol u mar Malta biex jiftiehem fuq il-grupp tal-Magħmudija ta' San Ġwann għall-knisja konventwali fil-Belt Valletta.
Gafà kien Malta minn Jannar sa Mejju 1666 u kellu miegħu lill-pittur Marullo. Matul dan iż-żmien għamel abbozzi għal San Ġwann u kiseb ordnijiet oħra.
Sa nofs l-1667 kien wieħed mill-iżjed skulturi mfittxija f'Ruma, imma miet f'daqqa fl-4 ta' Settembu 1667. Indifen fil-Knisja ta' San Biagio della Pagnotta f'Ruma.

Σχόλια