100 Sena mill-Ħolma ta' San Ġorġ Preca
- Daniel Mangion
- Dec 21, 2021
- 4 min read
Sa minn meta kont daqsxejn ta’ tifel, il-ġranet taż-żmien tal-Milied kien għal qalbi. Minħabba li kont membru attiv tal-qasam ta' Birkirkara (Brared) kif ukoll minħabba li kont fl-iskola tal-istess Soċjeta tad-Duttrina Nisranija M.U.S.E.U.M., St. Michael School, l-attivitajiet tal-Milied kienu jdaħħluni fl-ispirtu tal-Milied.

L-iktar attivita li kont nistenna bil-ħerqa hi dik li ssir lejliet il-Milied, id-dimostrazzjoni bil-Bambin. Din il-‘purċissjoni’ ħa tagħlaq 100 sena minn meta saret l-ewwel darba. Għalhekk ħadna l-opportunita li nitkellmu ma’ xi rappreżentant tas-Soċjeta, u kumbinazzjoni kkuntattjani s-Segretarju Ġenerali tas-Soċjeta, is-Sur Ruben Pace, li kien il-prifett tiegħi għal diversi snin meta kont membru attiv tal-Museum.
Din id-dimostrazzjoni bdiet mil-Ħamrun u kważi ssir f’kull raħal u belt madwar Malta u Għawdex. Minbarra l-Bambin li jkun qiegħed jintrefa’ mit-tfal, xi jkun hemm iżjed?
“Id-dimostrazzjoni tal-Bambin kif nafu bdiet fil-Ħamrun fl-1921 u maż-żmien xterdet prattikament mal-gżejjer Maltin. Bħalissa f'Malta s-Soċjetà għandha 33 qasam u f'Għawdex għandha 6. Dawn ilkoll jorganizzaw id-Dimostrazzjoni tal-Bambin fl-irħula rispettivi fejn jinsabu. Pero tajjeb li ngħidu li xi oqsma jorganizzaw id-Dimostrazzjoni f'iktar minn post wieħed.
Is-Soċjetà tal-Museum tieħu sehem ukoll li torganizza d-Dimostrazzjoni tal-Bambin fil-Belt Valletta - bħala parti mill-attiivitajiet tal-Milied organizzati minn Festivals Malta (fiż-żmien il-Kumitat Festi Nazzjonali). Din x'aktarx issir fit-23 ta' Diċembru. Tkun mistiedna wkoll torganizza dimostrazzjoni tal-Bambin fir-residenza S Vinċenz de Paule, li ssir fil-ġimgħa bejn il-Milied u l-Ewwel tas-Sena. L-Iskola St Michael, li mmexxiha mis-Soċjetà, wkoll torganizza d-Dimostrazzjoni tal-Bambin bħala parti mill-attivitajiet tal-Milied għall-istudenti.

Id-dimostrazzjoni bil-Bambin ġeneralment tiftaħ bit-tabella 'Verbum Dei caro factum est' li ġeneralment tkun ikbar mit-tabelli l-oħrajn. Imbagħad imqassmin mal-purċissjoni jkun hemm numru ta' tabelli (xi postijiet jgħidulhom skudi jew alabardi) bi frażijiet bħal "Gloria in excelsis deo', 'Illum tweldilna salvatur'. It-tabelli l-antiki kienu bil-Latin, filwaqt dawk iktar riċenti huma bil-Malti. It-tabelli tal-injam, minn ġewwa jkollhom ix-xemgħat u meta dawn jinxtegħlu jkun jista' jidher il-kliem u xi disinnji maqtugħa fl-injam li jkunu miksijin bil-karti tat-tajr. B'hekk jinħoloq effett tassew sabiħ. Illum minflok xemgħat qed jintużaw ukoll battery-operated LED's biex jinxtegħlu. Jinġarru wkoll numru ta' fanali fuq lasta biex jagħtu d-dawl. Fl-antik dawn kienu tal-mantle. Illum x'aktarx li wkoll jintużaw LED's. Il-Bambin jitpoġġa f'maxtura li tinġarra fuq bradella minn 4 żgħażagħ jew fuq l-ispallejn jew inkella fuq l-idejn - skont id-drawwa tal-post. Mal-Bambin ikun hemm 4 forċini. Fil-Bambin ikun imżejjen bil-fjuri, x'aktarx 4 bukketti fil-vażuni -wieħed f'kull kantuniera, u jkun imżejjen ukoll bid-dawl. Fid-dimostrazzjoni jieħdu sehem il-membri u ż-żgħażagħ u t-tfal li jattendu l-Museum. Xi tfal jilbsu ta' rgħajja jew anġli jew personaġġi marbuta mal-ġrajja tal-Milied. Bosta jġorru magħhom fanali mixgħulin. Matul id-dimostrazzjoni jsir kummentarju li jfakkar il-ġrajja tal-Inkarnazzjoni u jitkantaw innijiet tradizzjonali tal-Milied. F'bosta postijiet ikun hemm persuni li jdoqqu strumenti tal-mużika - kultant accordion - u f'xi rħula tieħu sehem ukoll il-banda tal-lokal. Id-dimostrazzjoni tieqaf x'postijiet madwar ir-raħal u xi tfal jgħidu xi poeżija jew xi fatt marbut mal-Milied. X'aktarx li d-dimostrazzjoni tintemm fil-knisja parrokkjali jew inkella fil-Qasam. Hemm isir programm qasir li jinkludi poeżiji, kant u talb u l-prietka tat-tifel. Wara jittellgħu xi rigali lil dawk preżenti u titqassam tifkira lil kulħadd.”
L-għan tas-Soċjeta tal-Museum kien dejjem li titkattar u tissaħħaħ il-fidi Nisranija u allura żmien il-Milied jintuża’ għal da nil-għan. Niftakar li kien ikun hem ġranet fejn kull klassi kienet itella’ xi ħaġa (play qasira, kummentarju, eċċ) biex minnhu nieħdu xi tagħlima.
“Is-Soċjetà tal-Museum hi dejjem involuta fil-katekeżi i.e. il-formazzjoni fil-fidi. Għalhekk fi żmien il-Milied din il-formazzjoni tkun marbuta mal-ġrajja tal-Milied bil-għan li kulħadd jagħraf il-kobor tal-ġrajja tal-inkarnazzjoni, jiġifieri li l-Iben t'Alla sar bniedem. Għalhekk fl-oqsma tal-Museum tiġi organizzata n-Novena fejn għal 9 t'ijiem - mill-15 sat-23 ta' Diċembru - jsiru laqgħat speċjali b'temi marbuta ma' aspetti differenti tal-ġrajja tat-twelid ta' Ġesù. Dun Ġorġ kiteb ukoll l-Iskola ta' Betlem - kitba li fiha jistedinna nħarsu lejn ix-xbieha tal-Bambin u nitgħallmu minnu biex nimitawh u ngħixu ħajja qaddisa. Dun Ġorġ xtaq ukoll li kull familja jkollha xbieha tal-Bambin fid-dar. Għalhekk kull Milied issir il-premjazzjoni li fiha kull tifel u kull żgħażugħ li jattendi l-Museum jingħata xi grotta, Bambin jew xbieha qaddisa. Dawn il-premjijiet jitħejjew mill-membri stess matul is-sena u jitqassmu f'laqgħa ċelebrattiva li għaliha jiġu mistiedna wkoll il-ġenituri.”
Jekk forsi xi wħud kellhom xi dubju kemm din id-dimostrazzjoni għadha ħajja, id-dubju spiċċa dan l-aħħar meta ħafna bdew jitolbu biex din id-dimostrazzjoni titħalla ssir. Minkejja li forsi ma tiġbidx l-eluf ta’ persuni li jiġbdu festi tradizzjonali, imma tibqa’ attivita li ħafna jibqgħu jattendu.

“Fil-ħajja kulħadd ikollu l-mumenti mudlama jew iebsa. Forsi qatt daqs f'dan iż-żmien ta' pandemija ma ħassejna s-swidija ta' dan id-dlam. Pero, kif naqraw fl-ewwel qari fil-quddiesa tal-lejl tal-Milied, "Il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir." Ix-xbieha tal-Bambin li tixref mill-għatba tal-qasam u ddur fit-toroq tal-irħula u l-bliet tagħna tnissel fina t-tama fid-dlamijiet li nesperjenzaw f'ħajjitna. Tnissel fina l-ferħ u l-paċi - għax kif kantaw l-anġli, "Glorja lil Alla fil-għoli tas-smewwiet u paċi fl-art lill-bnedmin ta' rieda tajba." Għal dawn ir-raġunijiet id-dimostrazzjoni tal-Bambin tibqa' tiġbed lin-nies. Kif maż-żmien saru bidliet fil-mod kif tiġi organizzata d-dimostrazzjoni tal-Bambin, jista' jkun li jidħlu xi drawwiet ġodda fiha. Iżda qatt ma tista' titneħħa x-xbieha sabiħa tal-Bambin, sinjal reali tal-Verbum Dei caro factum est (i.e. L-Iben t'Alla sar bniedem).”
Minkejja li forsi ħafna jaraw id-dimostrazzjoni bħala ‘drawwa’, dan m’għandux ikun! L-għan aħħari kien li Ġesu Bambin idur it-toroq tagħna u nħalluh jitwieled f’qalbna! Għalhekk id-dimostrazzjoni tista’ tgħid li tkun success mhux kemm jattendu nies, imma kemm il-fidi tissaħħaħ.
“Hi ħasra jekk inqisu d-Dimostrazzjoni tal-Bambin bħala drawwa fuq l-istess livell ta' drawwiet oħra marbuta mal-Milied. Id-dimostrazzjoni tal-Bambin hi dejjem attwali - għax kull sena, jew aħjar kuljum, jeħtieġ li niftakru fl-imħabba kbira li s-Sinjur Alla għandu għall-bniedem. Fl-evanġelju ta' San Luqa, l-anġlu jħabbar lir-rgħajja, "Illum tweldilkom Salvatur". Il-kelma illum turi li l-Inkarnazzjoni ta' Kristu tisboq il-limiti ta' spaju u taż-żmien. L-isfida tagħna hi li 'llum' aħna nilqgħu lil Ġesù fil-ħajja tagħna. Għalhekk id-Dimostrazzjoni tal-Bambin tissaħħaħ jekk aħna nissaħħu fil-fidi tagħna f'Ġesù u fl-imħabba tagħna lejh u lejn xulxin.”
Ix-xewqa tas-Soċjeta xinhi?
“Ix-xewqa tas-Soċjetà hi li aħna lkoll nagħrfu l-imħabba bla tarf ta' Alla għalina, li minn Alla infinit isir bniedem bħalna, għex magħna, miet għalina biex isalvana u fil-qawmien mill-mewt tiegħu ħabbibna mill-ġdid ma' Alla. Dan l-għarfien iwassalna biex inħobbu lis-Sinjur Alla u lil proxxmu tagħna.”

Comments