top of page
Search

Ftit minuti ma’ Evan Abela…

  • Writer: Daniel Mangion
    Daniel Mangion
  • Sep 28, 2021
  • 2 min read

Meta bdejna nfittxu biex nixtru post ġdid, jiena u l-mara xtaqna xi ħaġa li t-tnejn ma kellniex… il-bejt. It-tnejn konna mdorrijin fi ground floor u meta sibna ċ-ċans li nakkwistaw post bil-bejt, ħadnieh mal-ewwel. L-għan tagħna kien għalkollox differenti, u għalkemm ix-xewqa tagħha qtajniha, ix-xewqa tiegħi li nagħmlu arblu, sfaxxa.


Però nammetti li l-bnadar bqajt inħobbhom u kull waħda li nara nibda nhewden min kien il-moħħ warajha. Xi ħbieb issuġġerew biex inkellem lil Evan Abela, artist li għamel diversi xogħlijiet fuq numru ta’ bnadar madwar Malta u Għawdex. Ovvjament saqsejtu minn fejn beda kollox, u urini li l-passjoni lejn l-arti kienet minn tfulitu.

“Il-ħajra tal-arti tal-bnadar tista’ tgħid li kienet minn tfulijti, tant li kont dilettant tal-arbli u l-bnadar minn età żgħira. Ta’ tfal li konna għall-bidu t-tpinġija kienet fuq il-karti u mbagħad meta komplejt nikber skoprejt li t-tpinġija tiegħi hi talent.”


Xogħlijiet għandu diversi u allura pruvajt nitkixxef jekk għandux xogħol partikolari li hu għal qalbu. Minkejja li forsi l-ġdid ikun dejjem isbaħ minn ta’ qabel, imma l-antik ikollu xi ħaġa li tibqa’ taffaxxinak.


“Ma nistax ngħid liema hi għal qalbi l-aktar. Għamilt diversi bnadar u dejjem tkun inċert liema biċċa xogħol tkun għal qalbek. Il-bnadar li ħdimt fuqhom kollha huma differenti u dejjem joħorġu isbaħ minħabba l-esperjenza li ksibt matul is-snin.”


Il-festi qed jitilfu l-valur tradizzjonali tagħhom? Fil-festi qed naraw progress jew rigress?


“Fil-futur li nixtieq li nara fil- festi Maltin hu s-sens ta’ festa tradizzjonali kif imdorrijin narawha fl-antik.”


U l-futur ta’ Evan x’hemm għalih? Minkejja l-progress tas-soċjetà, xi kultant wieħed jiġih dubju li dak li qed jagħmel xi darba għad jispiċċa fix-xejn.


“Il-futur tiegħi hu inċert. Illum il-ġurnata minħabba t-teknoloġija ċertu affarijiet tradizzjonali qed imutu mewta naturali, is-snajja’ qed jinqatlu bil-mod il-mod. F’dak li nagħmel jien pereżempju, it-teknoloġija saret tagħmlu bil-printing f’kemm ilni ngħidlek. Nibża’ li maż-żmien anke li tara arblu fuq il-bjut għad jinqata’ minħabba li ħafna bini li qed jinbena llum m’għadx ikun hemm aċċess għall-bejt u allura arblu mhux qed ikun parti mil-bjut tagħna.”



 
 
 

Comentarios


Cultural © 2021 Daniel Mangion. Proudly created with Wix.com

bottom of page