top of page
Search

Ftit minuti ma’ Ryan Stivala…

  • Writer: Daniel Mangion
    Daniel Mangion
  • Sep 14, 2021
  • 2 min read

Ix-xahar ta’ Awwissu hu wieħed li nħobbu ħafna mhux biss għax huwa xahar li fih ikun hemm xi vaganzi minn fuq il-post tax-xogħol, imma wkoll għax hu x-xahar tal-festa tar-raħal li minnu ġej jien, Birkirkara. Bħal kull sena nitpaxxa ndur mat-toroq u nipprova nilmaħ xi ħaġa ġdida. Ma stajtx ma nħarisx lejn pavaljun ġdid fi Triq il-Kbira. Saqsejt fuq dan il-pavaljun u qaluli li fix-xogħol hu involut Ryan Stivala. U allura ħsibt biex inkellem lil dan l-artist żagħżugħ bravu u nsiru nafu xi ħaġa fuqu.


Tlabtu xi ritratti b’xi xogħol li huma għal qalbu, u indunajt li dak li jagħmel jagħmlu għaxjħobbu, tant li tani ħafna u ħafna ritratti. Mix-xogħol u minn kliemu indunajt li Ryan kien imwieled artist mimli passjoni lejn l-arti.

“Sa min eta żgħira ħafna kont nistenna minn żmien għal żmien il-festa tar-raħal tiegħi, dik tal-Kalkara. Dejjem kont narma bl-aħjar mod li stajt imma aktar ma bdejt nikber fl-età, fija aktar kiber l-interess f’dik li hija l-arti li tikkonċerna l-festi, b’mod speċjali fejn jidħol id-drapp, bħal pavaljuni, bandalori u bnadar. Bdejt inpenġi minn età żgħira ħafna. L-ewwel biċċiet xogħol tiegħi kienu xi bnadar għalija personali. Iktar m’għadda ż-żmien, dan ix-xogħol aktar beda jinteressani, tant li meta kelli madwar 15-il sena kont dħalt membru fil-każin tagħna, “Circolo San Giuseppe Filarmonika Sagra Familja Kalkara (Malta)”. Minn hemm infetħuli diversi toroq biex inkompli nikber f’dan ix-xogħol, fejn bdejt inpenġi fuq il-pavaljuni u l-bandalori. L-ewwel postijiet “barranin”, jiġifieri mhux fil-Kalkara, li kont ħdimt f’dan it-tip ta’ xogħol kienu fil-lokalitajiet ta’ Tas-Sliema kif ukoll ta’ San Ġwann.”


Saqsejtu jekk hemmx xi biċċa arti partikolari li għamel li jgħożż jew li baqgħet għal qalbu. Ovvjament minħabba li issa ilu involut għal madwar 11-il sena, l-ammont ta’ arti li għamel mhuwiex ftit. “Hemm ħafna xogħlijiet li huma marbutin ma’ qalbi. Imma hemm xogħol li jgħaddi kemm jgħaddi żmien minn fuqhom baqgħu għal qalbi fosthom, l-Imrewħa l-kbira ta’ Stella Maris, l-Imrewħa tal-Karmnu fiż-Żurrieq, il-faċċata tal-każin King's Own Band Club fil-Belt Valletta, Triq Strada Rjali l-Ħamrun, u t-triq prinċipali bejn iż-żewġ każini taż-Żurrieq li tkun armata fil-festa ta’ Santa Katarina.”


Bla ma ridt saqsejtu x’jixtieq jara aktar fil-festi Maltin… “Fil-futur nixtieq li nara li artisti bħali jiġu megħjuna mil-awtorijtajiet biex l-artisti jkomplu jtejbu l-kapaċità artistika tagħhom. L-awtoritajiet għandhom jinvestu f’dawn l-artisti biex dan it-talent li għandna aħna l-Maltin fil-festi uniċi tagħna, ma jintilifx maż-żmien.”


U l-futur ta’ Ryan? Ħa nkomplu naraw aktar proġetti u arti? X’hemm pjanat? “Nemmen li għad fadalli x’nitgħallem biex nipperfezzjona aktar fix-xogħol tiegħi, speċjalment fil-linja tiegħi fejn jidħol sfumar tad-disinni.”


 
 
 

Comments


Cultural © 2021 Daniel Mangion. Proudly created with Wix.com

bottom of page