Il-Banda tar-Reġina u l-Armar tar-Reġina tal-Karmelu
- Daniel Mangion
- Dec 7, 2021
- 4 min read
Meta kont naħdem Deloitte kelli kollega li hi miż-Żurrieq, u kienet waħda li tħobb il-festa tal-Madonna tal-Karmnu. U kien għalhekk li hekk kif kelli l-karozza għamilt appuntament għal Lulju biex nara l-logħob pirotekniku. Imma meta wasalt tpaxxejt bl-armar sabiħ li ntrama. Għalkemm l-arti piroteknika kienet sabiħa ħafna, l-armar baqa’ ittimbrat fil-memorja tiegħi.
U minħabba f’hekk l-ewwel għaqda li xtaqt inkellem fejn jidħol armar kient il-Kummissjoni Armar fi ħdan l-Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria. Is-Sur Edward D’Amato mhux biss laqa’ t-talba tagħna għall-intervista ċkejkna imma tagħna ħafna u ħafna informazzjoni fuq l-istorja ta’ l-għaqda li juri kemm din il-festa hija waħda għal qalbu.

Innutajt li l-Banda Queen Victoria tinkorpora sew il-banda, sew il-logħob tan-nar u anke l-armar. Imma dan kien minn dejjem? X’wassal biex ingħaqqdu l-forzi għal għan wieħed, dik li tittella’ festa sabiħa ad unur il-Madonna tal-Karmnu?
“Meta wieħed jitkellem dwar l-Għaqda Karmelitana u l-Banda Queen Victoria jkun qiegħed jitkellem dwar żewġ entitajiet li għal xi żmien kienu separati minn xulxin imma li fl-1900, iċ-ċirkustanzi riedu li jingħaqdu flimkien u b’hekk kompliet tissaħħaħ il-festa għażiża tal-Madonna tal-Karmnu fiż-Żurrieq. Fil-fatt l-Għaqda Karmelitana, antikament magħrufa bħala Circolo La Stella twieldet lejn nofs is-seklu 19 waqt li l-Banda Queen Victoria, antikament magħrufa bħala Filarmonica del Zurrico, twieldet ftit żmien wara, preċiżament fl-1865 minn Mro. Francesco Zammit. Kienet banda newtrali imma wara li għal xi snin kien hemm diżgwid politiku u anki diżgwid dwar is-sehem tagħha fiż-żewġ festi tar-raħal bejn il-membri, infetħet kawża ġewwa l-qorti u wara li Mro. Karmnu Żammit, is-surmast tal-banda, li fis-sena 1900, kien jisimha La Concordia, rebaħha, iddeċieda li l-banda ma tibqax waħda newtrali imma tibda tappartjeni liċ-Circolo La Stella. Rigward il-piroteknika, irridu ngħidu li l-festa tal-Madonna tal-Karmnu minn dejjem kienet magħrufa għal din l-arti sabiħa u dejjem kellha numru ta’ pirotekniċi ta’ ħila li ta’ kull sena jpaxxu lill-eluf ta’ Maltin, Għawdxin u turisti li jiġu jżuru r-raħal għall-festa. Ovvjament maż-żmien dawn il-pirotekniċi ħassew il-bżonn li jkunu mmexxija minn kummissjoni li tissorvelja x-xogħol kollu li jsir. Din il-kummissjoni twaqqfet uffiċjalment nhar l-Erbgħa 31 ta’ Jannar 1990. Tajjeb inżidu li fl-1964 żewġ benefatturi rregalaw biċċa art fix-xagħri ta’ Wied Babu fejn setgħu jinbnew il-kmamar tan-nar magħrufa bħala l-Mt. Carmel Fireworks Factory. L-istorja tal-armar tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu wkoll hija waħda antika u tmur lura lejn is-seklu 19 fi żmien it-twaqqif taċ-Circolo La Stella. Ovvjament maż-żmien l-armar kompla jiżviluppa, jiżdied u jsir aktar kumpless u artistiku. Tajjeb ngħidu li meta wieħed jitla’ għall-festa tal-Madonna tal-Karmnu taż-Żurrieq jista’ jitpaxxa bix-xogħol ta’ artisti rinomati bħal Manwel Buhagiar, l-aħwa Salvu u Carmelo Tonna, Pawlu, Alfred u Aaron Camilleri Cauchi u Renzo Gauci. Maż-żmien inħass il-bżonn li titwaqqaf kummissjoni li tissorvelja x-xogħol tal-armar. Din twaqqfet uffiċjalment nhar l-Erbgħa 3 ta’ Frar 1988. Tajjeb ngħidu li qabel it-twaqqif ta’ din il-kummissjoni, kien hemm Grupp Dekorattiv li wkoll kien responsabbli mill-armar. Dan kien twaqqaf fl-1971.”
L-istorja tal-għaqda hi waħda twila u allura anke l-arti li jitpoġġa għall-wiri tal-pubbliku hu wieħed estensiv. Allura wieħed isibha diffiċli jagħżel liema biċċa arti hi l-aktar għal qalb il-membri. Wieħed ma jridx jinsa’ li l-ispejjeż ikunu kbar u għalhekk xi proġetti li jiswew tant u tant flus idumu biex jiġu mwettqa.
“L-armar żdied u nistgħu ngħidu li kull biċċa armar li toħroġ għall-festa hija għal qalbna. Meta wieħed iqis is-siegħat li l-membri tal-kummissjoni flimkien ma’ diversi soċi u partitarji jqattgħu fl-imħażen tal-armar bilfors tkun tgħożż kull biċċa armar. Imma naħseb jekk ikollna nsemmu biċċa armar li sal-lum għadha titqies teżor hija bla dubju s-sett ta’ tlettax-il trofej ta’ Misraħ ir-Repubblika li nħadem fis-snin ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija fuq disinn tal-artist Manwel Buhagiar. Minjaf kemm saru lotteriji u arbulari biex setgħet tkun mifdija l-ispiża fenomenali għal dak iż-żmien! Kien proġett kbir u ambizzjuż li mll-1946 dam ikarkar sal-1958. Ovvjament maż-żmien dan is-sett ta’ trofej dejjem sarlu r-restawr meħtieġ biex hekk għadna ngawduh fil-glorja tiegħu. Dan it-trofej huwa biċċa armar unika fil-gżejjer Maltin.”
Minħabba is-sigħat twal li l-membri jqattgħu flimkien, il-membri jsiru tista’ tgħid hekk familja waħda. Kull mument li l-għaqda tgħaddi flimkien jinqasam flimkien bejn il-membri. Storja twila tfisser li jkun hem diversi mumenti ta’ nżul u anke tat-tlajja. It-temp li jiġi kontra dak maħsub hu uġiegħ ta’ ras, speċjalment jekk jinzerta riħ qawwi.
“Aħna tal-Kummissjoni Armar qisna familja. Naħdmu, nifirħu u kultant nibku flimkien ukoll. Ovvjament meta żżanżan opra ġdida, dak ikun mument ta’ sodisfazzjon kbir. Illum il-ġurnata l-artisti Maltin involuti fix-xogħol tal-armar jitgħabbew b’ħafna piż ta’ xogħol bil-konsegwenza li jibdew jaqtgħu lura u mhux dejjem iżommu l-kelma li jkunu tawk. Meta jiġri hekk dak ikun mument ta’ diżappunt għax ngħiduha kif inhi, il-membri tal-kummissjoni jkunu jridu jiffaċċjaw lis-soċi u lill-partitarji meta jistaqsuhom fejn ikun wasal it-tali proġett wara li jkunu taw is-sehem finanzjarju tagħhom. Mument ieħor ta’ diżappunt ikun meta fil-każ tal-festa tagħna li taħbat fir-raba’ Ħadd ta’ Lulju jqum ħafna riħ. Jew wara li tkun armajt id-drapp kollu, trid tfittex iżżarma kollox jew inkella jaf tiġik sena u d-drapp li tant iżejjen ikollu jibqa’ fuq l-ixkaffa ġewwa l-maħżen! M’għandniex xi ngħidu, dawn l-aħħar sentejn kienu ta’ diżappunt kbir għax minħabba r-restrizzjonijiet fuq il-festi esterni ħriġna biss nitfa mill-armar li għandna.”
Minħabba li wasalna żmien il-Milied, bla ma rrid saqsejt jekk l-għaqda tal-armar ikollix sehem fl-armar tal-Milied fit-toroq. U hekk hu! Il-Milied hu żmien ta’ ħidma tant li anke daħlu u rebħu kompetizzjonijiet tal-armar li jsiru għaż-żmien il-Milied.

“Għall-okkażjoni tal-festi tal-Milied u tal-Ewwel tas-Sena 1979-1980, il-Grupp Dekorattiv li semmejt aktar qabel ħareġ bl-idea ġdida li jarma b’disinji dekorattivi l-faċċata tal-każin u Triq il-Kbira. Kienet idea li mill-ewwel kisbet suċċess għax dan l-armar beda jiddaħħal ukoll f’kompetizzjonijiet nazzjonali. Tajjeb ngħid li bejn l-1979 u l-1986 dejjem intrebħu l-aqwa premjijiet. L-inawgurazzjoni uffiċjali ta’ dan l-armar kienet saret nhar it-13 ta’ Diċembru 1980. Dan l-armar baqa’ jintrama sal-1987. Fl-2004, wara nuqqas ta’ sbatax-il sena, dan l-armar reġa’ beda jsir u għal darb’oħra reġgħu bdew ġejjin premjijiet inkoraġġanti ħafna.”
Fl-aħħar net il-futur x’hemm lest? Ovvjament il-pandemija ħarbtet il-pjanijiet kollha tal-festi u issa li qed noqorbu għas-sena 2022, ix-xewqa tad-dilettanti tal-festa hi li nerġgħu naraw il-festi fil-kalendarju tas-sajf. Jekk dan iseħħ l-għaqda tinsab preparata biex iżanżan proġett ukoll ambizzjuż.
“Jekk wara l-pandemija Covid-19, il-festi jerġgħu lura għan-normal, allura l-futur huwa wieħed sabiħ għax inkunu nistgħu ngawdu x-xogħol kollu li xorta waħda baqa’ sejjer ġewwa l-imħażen. Jekk il-festi ma jsirux, ma nkunu nistgħu ngawdu xejn! Naħseb li fuq dan jaqblu l-għaqdiet kollha tal-armar. L-akbar proġett ippjanat u li issa wasal fil-fażi finali tiegħu huwa dak tal-pedistall il-kbir b’numru konsiderevoli ta’ statwi għal Misraħ Mattia Preti. Proġett ieħor ambizzjuż li sewa flejjes kbar u li ġab ħafna taqtigħ il-qalb waqt li konna għaddejjin bih. Nittamaw li kif inhu ppjanat, jiġi mżanżan għall-festa tas-sena 2022.”

Comments