IL-barokk fl-aqwa tiegħu - Stefano Erardi
- Daniel Mangion
- Sep 21, 2021
- 2 min read
Is-seklu sbatax żgur jibqa’ magħruf għall-istil Barokk li ddomina l-Ewropa għal madwar mitt sena. Fil-gżejjer Maltin, il-Kavallieri ta’ San Ġwann ġiebu lejn Malta artisti u skulturi ta’ fama biex iżejnu l-Belt Valletta bl-ifjen xogħol, kif kien jixraq lil din il-Belt. Għal dan il-għan inħolqu diversi opportunitajiet għal artisti barranin u lokali biex ikunu jistgħu jisfruttaw it-talenti tagħhom.
Fost dawn l-artisti nsibu lil Stefano Erardi, li għalkemm l-istil tal-artist kontemporanju Mattia Preti kien igawdi prestiġju kbir fix-xena artistika Maltija, għaldaqstant ix-xogħol tal-Erardi kien joffri alternattiva oħra għat-teknika Barokka li kienet tiddomina x-xena artistika f’dan il-perjodu.

Ir-razza Erardi kienet nobbli ta’ dixxendenza Franċiża li imigrat lejn Malta, x’aktarx fl-1598, wara li ammont ta’ Franċiżi telqu minn arthom minħabba l-editt ta’ Nantes.
Fis-7 ta’ April tal-1622 fil-Knisja ta’ Porto Salvo l-Belt Valletta, Sebastiano Herardi iżżewweġ lil Gratia di Tucciofigliaverg(in)e di Rocco Di Tuccio. Sebastiano Erardi hu l-ewwel membru tal-familja li nsibu fl-arkivji f’Malta. Ismu jerġa’ jitfaċċa fit-tieni żwieġ tiegħu ma’ Paulica Xerri figlia di Lorenzo Xerri. Mit-tieni żwieġ tiegħu, Sebastiano kellu ħamest itfal. Stefano kien l-ewwel wild fost il-ħames aħwa. Stefano Erardi twieled fl-1630 u tgħammed fl-24 ta’ Novembru fil-knisja ta’ Porto Salvo fil-Belt Valletta.
Sfortunatament ma nsibu l-ebda informazzjoni dwar l-ewwel snin fix-xena artistika tiegħu. Żgur imma li Erardi kien irċieva xi forma ta’ taħriġ minn artisti ta’ kalibru biex tgħallem jipperfezzjona t-teknika tal-arti biż-żjut. Li hu ċert, Stefano kompla pperfezzjona t-teknika artistika tiegħu ġewwa Ruma fejn ħafna artisti minn Bolonja kienu jaħdmu. Dan jidher biċ-ċar fit-teknika Mannarista bi stil tal-Barokk Klassiku Bikri. Fuq dan il-punt l-istoriċi kollha jaqblu bejniethom.
Lura f’Malta Erardi kiseb suċċess kbir. Dan jidher f’għadd kbir ta’ kummissjonijiet li sarulu kemm mill-gvern (l-ordni ta’ San Ġwann), mill-parroċċi, mill-konfraternitajiet, mill-għaqdiet reliġjużi u anke privati. Żgur u mhux forsi li Erardi jibqa’ mfakkar li ħafna mill-kapulavuri tiegħu kienu kopji jew assimiljazzjoni ta’ xogħlijiet oħra ta’ artisti famużi fosthom Matteo Perez d' Aleccio, Rubens u Mattia Preti.
Erardi għandu post importanti fil-pittura f’Malta, speċjalment meta fl-1667 ġie kkummissjonat mil-lingwa tal-Ġermanja biex fil-kon-katidral ta’ San Ġwann ipinġi l-Adorazzjoni tal-Maġi u żewġ lunetti kbar. Dan huwa fatt interessanti ħafna, minħabba li f’dak il-perjodu Mattia Preti kien qiegħed ikun ikkummissjonat biex ipinġi l-kappelli l-oħra fl-istess knisja. Għal Erardi din kienet l-akbar bravura tiegħu. Fost xogħlijiet oħra ta’ Stefano Eradi nsibu l-pittura ta’ San Stiefnu u qaddisin l-oħra fil-Knisja Parrokkjali tal-Qrendi, in-Nawfraġju ta’ San Pawl fir-Rabat (kopja ta’ Matteo Perez d’Aleccio) u l-Konverżjoni ta’ San Pawl f’Ħal Safi qrib is-sena 1693 (kopja ta’ Mattia Preti).
Fl-1669 Erardi żżewweġ lil Caterina neè Buttiġieġ li minnha kellu żewġt itfal, fosthom lil Alessio li sar pittur ukoll. Stefano Erardi miet fis-6 ta’ Ġunju tal-1716 u ndifen fil-knisja ta’ Ġieżu fil-Belt Valletta.

Comments