top of page
Search

Il-Milied imlibbes Malti

  • Writer: Daniel Mangion
    Daniel Mangion
  • Dec 14, 2021
  • 3 min read

Ikolli nistqarr li l-Milied inħobbu. Mhux l-isbaħ żmien tas-sena, imma nħobbu. Qatt ma kont xi wieħed li ntajjar in-nar fejn jidħol armar tal-Milied, għax li kien għalija narma biss il-bambin u l-presepju u daqsekk. Il-Milied bħal ħafna festi oħra inħakem minn kummerċjaliżmu sfrenat u xi kultant qed nitilfu is-sens vera tiegħu. Bħala poplu Malti, l-għeruq tat-tradizzjonijiet tagħna huma fil-maġġor parti tagħhom marbutin mas-sens veru tal-milied, cioe il-ferħ veru li jġib miegħu Ġesù Bambin.

Disat ijiem qabel il-Milied, tibda dik li jsejħula n-novena. Kienu d-Dumnikani tal-Belt Valletta li fi żmien il-Kavallieri bdew jagħmlu n-Novena, b'Quddiesa kantata kuljum. Illum ħafna parroċċi jiċċelebraw in-novena fil-quddiesa ta' filgħaxija bis-sehem tat-tfal tad-duttrina u għaqdiet oħra.


Tradizzjoni ferm għal qalbi jien li trabbejt fis-soċjetà tal-M.U.S.E.U.M. hija l-Purċissjoni tal-Bambin Lejlet il-Milied. Niftakarna konna nimpikaw ma’ xulxin min ħa jerfa’ fil-Bambin, u minn ser ikun forċina. Mis-sajf konna nippreparaw ukoll il-lanterni b’xi messaġġi reliġjużi u bibliċi li kienu jdawlu bix-xemgħa. Imbagħad tul Diċembru erħielna nipprattikaw l-għanjiet tal-Milied li konna nkantaw matul il-purċissjoni. Din kienet il-ħolma ta’ San Ġorġ Preca li sa mill-1920 ħa ħsieb li f'kull raħal u belt, lejlet il-Milied, tiġi organizzata “Dimostrazzjoni ad unur ta' Ġesù Bambin”. Fl-1920, Dun Ġorġ kien ġabar lis-soċji tal-M.U.S.E.U.M. tal-Ħamrun biex jaqsam magħhom xewqa li kellu: li ssir dimostrazzjoni bil-Bambin tal-Milied fejn it-tfal u s-soċji f'lejlet il-Milied joħorġu mat-toroq tal-Ħamrun jgħajtu l-aħbar li Ġesù Bambin twieled għalina. Ix-xewqa tiegħu kienet li dawn joħorġu bħal f'purċissjoni bix-xemgħa f'idejn it-tfal u l-weraq tal-palm u ż-żebbuġ, iduru mat-toroq kollha tal-Ħamrun u jkantaw innijiet tal-Milied. Riedhom ukoll li jgħidu lil xi rġiel biex jiġu jimxu magħhom. Kellhom bżonn Bambin, u dan issellfuh mill-Belt, mill-Knisja tal-Franġiskani. Din it-tradizzjoni purament Maltija ġiet addottata wkoll fl-artijiet l-oħra fejn hemm il-M.U.S.E.U.M. ċioè l-Awstralja, il-Kenja, il-Perù, l-Ingilterra u l-Albanija.


Kif diġà semmejt il-M.U.S.E.U.M. konna nkunu qed nistennewha minn sena għall-oħra li nibdew nipprattikaw l-għanjiet tal-Milied. L-għajjat u n-noti kienu ta’ spiss ikunu żgarrati. Għanja li tant konna nħobbu u li ta’ spiss tindaqq fil-Milied hija “Il-Benniena ta' Ġesù Bambin” jew, kif inhi magħrufa, in-'Ninni la Tibkix Iżjed', hija għanja mill-aktar magħrufa fost il-Maltin. Inkitbet fl-1846 minn Patri Ġiżwita Indri Schembri. Meta kitibha, dal-patri minn Ħal Luqa li kien f'Alġeri u kitibha għal dawk il-Maltin li kienu emigraw lejn Tuneż. Saret popolari mindu bdiet titkanta fil-purċissjonijiet tal-Milied. Ta' min jgħid li n-'Ninni' anke nqalbet bit-Taljan u titkanta fl-Italja.

Drawwa oħra tal-Milied hija il-Prietka tal-Milied. L-ewwel darba li din saret kienet fl-1883, meta t-tfajjel, Ġorġ Sapiano, kien għamel il-prietka tal-Milied fil-knisja parrokkjali ta' Ħal Luqa. Fl-imgħoddi il-Prietka kienet issir minn fuq il-pulptu, bis-suġġeritur joqgħod bilqegħda fuq it-taraġ tal-istess pulptu biex ifakkar lit-tfajjel xi linja li jkun nesa. Il-prietka kienet dejjem tibda bit-tħabbira bil-Latin li l-Anġli kienu għamlu lir-ragħajja “Annuntio Vobis Gaudium Magnun” li tfisser “Se nagħtikom aħbar ta' ferħ kbir.” Ikolli nistqarr li din dejjem xtaqt nagħmilha jien imma qatt ma messitni din ix-xorti, iżda l-Bambin ippermettieli li nikteb il-prietka tat-tifel lil diversi parroċċi matul dawn l-aħħar snin.


Tradizzjoni li kibret dawn l-aħħar 40 sena hija dik tal-barka tal-Papa bil-Malti nhar il-Milied filgħodu, waqt l-Barka Urbi et Orbi. Din il-Barka bdiet tingħata bil-Malti, fost lingwi oħra fl-1980, minn San Ġwanni Pawlu II.

Inkun qed nigdeb jekk ngħidilkom li l-Milied ma nkunx qed nistennieh ħabba l-ikel u l-ammont ta’ ħelu li nikkonsma matul dan iż-żmien, u bħali diversi Maltin oħra. Bħal kwalunkwe żmien tas-sena aħna l-Maltin abbinajna diversi ikel u ħlewwiet ma’ żmien il-Milied, fosthom il-qagħaq tal-għasel, il-qastan, l-imbuljuta (xarba magħmula mill-qastan), u l-ixkumvat (qisu spagetti moqli u miksi biz-zokkor), id-dundjan jew serduk il-forn, il-pudina tal-Milied. Ix-xarba tal-imbuljuta tista’ tgħid li hi xarba Maltija. Il-kokkotina, il-qastan, l-imsiemer tal-qronfol, iz-zokk tal-kannella u l-qoxra tal-mandolina huma l-ingredjenti prinċipali.


Dawn huma ftit mit-tradizzjonijiet Maltin (apparti il-presepju li fuqu diġà ktibna f’kitba oħra), li huma marbuta direttament mal-Milied. Tradizzjonijiet li fiċ-ċentru tagħhom iżommu lil Ġesù Bambin, iżda li sfortunatament xi kultant qed jintilfu fost il-ġenn u l-istorbju ta’ dan iż-żmien. Ejjew flimkien nagħmlu l-almu tagħna, u nħeġġu lill-familjari u lil uliedna, sabiex dak li tradizzjonalment iressaqna lejn is-sens veru tal-Milied inżommuh ħaj. Għax din hi l-Festa tal-Iben ta’ Alla li sar bniedem u għammar fostna.




 
 
 

Kommentarer


Cultural © 2021 Daniel Mangion. Proudly created with Wix.com

bottom of page