Il-ħolma ta' Dun Bert li baqgħet ħajja
- Daniel Mangion
- Oct 26, 2021
- 2 min read
Jiena u ommi għandna relazzjoni tajba ħafna, tant li aktar qisna żewġt iħbieb. Peress li ommi hi minn Ħal Għargħur ovvjament għall-aħħar ġimgħa ta’ Awissu konna mmorru l-festa ta’ San Bartilmew. Nammetti li dan il-qaddis kien jaffaxinani u kont naħseb li jiċċelebrawh biss ġewwa Ħal Għargħur għax mhuwiex l-iktar appostlu popolari.
Imma minn mindu bdejt noqgħod Ħal Tarxien, minn fuq il-bejt nara ċar il-kappella ta’ San Bert. F’Awissu tkun mixgħela minkejja li hi kappella. Ma stajtx allura ma nitkellimx mas-Sur Godwin Dalli, il-persuna li qiegħed jieħu ħsieb din il-kappella, tant li kull min imur jinduna kemm qiegħed jagħmel biċċa xogħol tajba.

Bla ma rrid l-ewwel tlabtu jagħtini xi informazzjoni marbuta mal-istorja ta’ din il-kappella, speċjalment ma’ dak li għandu x’jaqsam mal-festa ta’ San Bert.
“Din Il-Knisja ġiet imwaqqfa u mħallsa mil-fundatur taggħa Dun Bert Mangion fl-1764. Dun Bert kien ħalla bil-miktub kif xtaq jagħmel l-quddies u l-festi ġo din il-kappella. Għall-bidu hekk beda jsir, pero maż-żmien ma baqgħetx issir bil-mod kif ħalla miktub. Kien hemm żmien li kważi spiċċat sa meta bdejt nieħu ħsieba jien fl-1983 fejn bdiet tieħu xejra mod ieħor. Illum għall-grazzja t’Alla qiegħda ssir b’tant Solennita mil-20 sal-24 ta’ Awissu ta’ kull sena. Tajjeb li nghidu ukoll li din il-knisja għanda żewġ titulari, San Bert u l-Madonna tal-Bon Kunsill.”
Ġewwa Ħal Tarxien isiru żewġ festi oħra qabel San Bert, dik tal-Annunzjata u dik tal-Madonna tad-Duttrina. Minħabba f’hekk is-sehem tat-Tarxiniżi hu ffukkat fuq dawn iż-żewġ festi. Allura bla ma jrid wieħed jistenna li l-konkorrenza għal din il-festa ikun wieħed żgħir, u anke l-volontiera jispiċċaw li jiddedikaw ħinhom għal festi l-oħra.
“Min jaħdem għall-festa titulari tal-paroċċa u għall-festa sekondarja ma tantx jkunu jistgħu jgħinu f'din il-knisja għax ovvjament kulħadd ikollu l-impenji tiegħu.”
Il-pandemija ukoll ħasret ħafna attivitajiet li kienu jsiru qabel, u allura festa kemm xejn żgħira bħal din, wieħed jibda jaħseb x’impatt kellu fuqha, bil-biża’ li seta’ ntilef għal kollox dak li ġie kreat matul dawn l-aħħar snin. Imma s-Sur Dalli qal li mhux il-każ.
“Bħala festa ma tantx affetwat il-pandemija għax il-festa ta' San Bert dejjem fuq ġewwa biss saret. Li affetwana huwa l-fatt li ridna nżommu d-distanza soċjali mitluba mil-liġi ta’ dakinhar. Fil-verita', bħal ħafna u ħafna volontarjat, f’dawn is-sentejn morna ħafna lura finazjarjament.”
Hemm xi ċans li naraw din il-festa tkompli tikber bil-ħsieb li ‘l quddiem tibda ssir festa esterna ukoll? B’tant determinazzjoni Is-Sur Dalli qalli li ma jridx li tispiċċa festa bħall-oħrajn!
“Le ta! Kemm jien u kemm is-Sur David Aquilina, li flimkien nieħdu ħsieb din il-ġawhra ta’ knisja, mhux beħsibna nkabbru din il-festa minn kif inhi, imma nixtiqu li tibqa’ ssir kif qiegħda tiġi ċċelebrata dan l-aħħar, jiġifieri rriduha tibqa’ festa solenni u interna biss.”

Comments