top of page
Search

In-nar li jsir mill-kamra ta' Wied Qirda

  • Writer: Daniel Mangion
    Daniel Mangion
  • Nov 16, 2021
  • 3 min read

Ir-raħal ta’ Ħaz Żebbuġ ġewwa Malta, hu magħruf għall-festa li jagħmel fil-bidu tal-istaġun tal-kalendarju tal-festi ddedikata għal San Filep. Infatti l-festa ta’ San Filep imorru ħafna nies bi ħġarhom jaraw liema miż-żewġ każini ħa jkun qiegħed itella’ l-aqwa spettaklu.

Imma dan ir-raħal hu magħruf għall-festa oħra li minkejja li tinzerta ma’ diversi festi oħra, in-nies ukoll tkun qiegħda tistenna, speċjalment għal-logħob tan-nar. Din il-festa hi dik ta’ San Ġużepp. Interessanti li l-għaqda mużikali ta’ San Ġużepp, jew kif iinhi magħrufa aħjar, Banda De Rohan, hi l-eqdem banda ġewwa Haż Żebbuġ, u skond l-istoriċi hi ukoll l-eqdem banda ġewwa f’Malta!


Intant ltqajna ma’ Sur Thomas Dimech u s-Sur Edward Azzopardi, f’isem il-Kummissjoni tan-Nar tal-Każin San Ġużepp u Banda De Rohan. L-istorja ta’ dan il-każin hi twila mhux ħażin u anke l-kummissjoni tan-nar għandha ukoll storja twila. Infatti skond is-Sur Dimech l-istorja tant tmur lura fiż-żmien li l-bidu tal-każin anqas jiftakruh.


“Bażikament il-bidu anqas niftakruh u anke n-nar hawhekk żviluppa ħafna żmien ilu. Il-kamra tan-nar oriġinarjament kienet f’post ieħor mhux fejn qiegħda llum, f’Wied Inċita, imma tant ilu li ma niftakruwiex. Maż-żmien il-kamra tan-nar imxiet għall-Wied Qirda, sewwa sew fl-1986. U minn dak iż-żmien tista’ tgħid li n-nar għall-festa beda jinħadem bil-kbir. Ovvjament minkejja li hemm passat twil, l-esperjenza għenet biex it-teknika dejjem tavvanza fl-arti piroteknika, anke fir-raħal u l-festa tagħna. Illum il-ġurnata in-nies jiġu għan-nar mhux biss għall-ispettaklu, imma jiġu bit-tir li jaraw xi ħaġa ġdida jew unika. Minħabba l-Covid-19 kellna noqgħodu ftit lura bħal kulħadd imma dejjem tajna dak kollu li stajna biex intellgħu l-aqwa spettaklu possibli.”


Bħal kull każin, din il-għaqda għandha l-isfidi tagħha mhux biss minħabba l-finanzi li jillimitaw lil kulħadd x’jista’ jtella’ imma ukoll sfidi li huma kemmxejn uniċi għal din l-għaqda minħabba l-ġurnata li fiha jiċċellebraw il-festa.


“L-ikbar sfida hi dik li l-festa taħbat ma’ oħrajn kbar speċjalment meta tinzerta fl-istess ġurnata ma’ taż-Żurrieq. Infatti meta tinzerta fl-istess ġurnata l-attendenza tan-nies tkun tinħass. Minħabba f’hekk ukoll aħna bħala kummissjoni ħsibna li nkunu innovativi fin-nar ta’ l-art. Li nagħmlu, n-nar ta’ l-art nibdewh kemmxejn tard, biex in-nies tilħaq tiġi mil-festi l-oħra, għax in-nar ta’ l-art tagħna mfittex ħafna. Infatti għan-nar ta’ l-art il-pjazza tkun mimlija sewwa. L-għan xorta hu li n-nies jiġu mil-bidu sal-aħħar hawnhekk u qed nippruvaw minn kollox biex dejjem niġbdu aktar nies.”


Il-Każin ukoll kellhom ħafna u ħafna memorji sbieħ li ma jintesewx. Il-memorji sbieħ mhumiex biss meta jintrebaħ xi premju jew unur, imma anke jekk ikun sar xi ħaġa li baqgħet tissemma’ ma’ dawk li rawha.


“Kien hemm sena li żgur li ma ninsewx tant kemm ħdimna flimkien. Festa ma ssirx bejn żewġ persuni, imma trid tim ta’ persuni biex itella’ festa. Is-sena tal-2016 tibqa’ waħda li ma ninsewx. Il-ħidma kienet waħda kbira tant li anke f’xi iljieli spiċċajna naħdmu għan-nar. Dik is-sena tellajna show sabiħ minn fuq il-bejt tal-każin tant li baqgħet f’moħħ l-ispettaturi li attendew. In-nar ta’ l-art ukoll kien iċċelebrat bil-kbir, iktar u iktar minħabba li kienet is-sena li fiha konna rbaħna l- Festival Nazzjonali tan-Nar tal-Art Mekkanizzat ġewwa l-Furjana. Kienet sena imżewqa minn kollox u baqgħet sena li sirna nżommu bħala tir fejn iridu naslu. Sfortunatament il-Covid-19 waqfet ħesrem il-progress u l-proġetti li konna qed ngħamlu. Pero għad għandna diversi affarijiet ġo moħħna x’se nagħmlu ‘l quddiem fosthom diversi sorpriżi li nixtiequ ntellgħu minn żmien għal żmien.”


Xi kultant fil-festi naraw xi ħaġa ġdida, u l-għaqdiet l-oħra jippruvaw jimitaw dik l-idea innovattiva. Minħabba l-esperjenza twila, din l-għaqda għandha diversi biċċiet li jafu l-bidu tagħhom fil-festa ta’ San Ġużepp.


“Dak li jgħidulu ‘Imqass’, fejn ikun kobba fuq u jinfetaħ minn isfel meta jinħaraq, ġie maħluq minn din l-għaqda. Illum din sirna narawha f’ħafna rdieden madwar Malta. Hawnhekk dejjem kien hawn membri bravi li dejjem jippruvaw joħolqu xi ħaġa mhux tas-soltu. Illum iktar milli logħob, in-nar tal-art tista’ tgħid li hi biċċa xogħol tal-inġinerija. Tħares lejn il-movimenti li jagħmlu l-irdieden tinduna kemm jinvolvu studju u provi biex joħroġ kapolavur li jfaħħruh dawk kollha li jattendu.”


U l-futur x’hemm lest? Huwa wieħed pożittiv jew teżisti l-biża’ li ż-żagħżagħ tal-lum qed jikkonċentraw fuq affarijiet oħra?


“Finanzi ħadu daqqa kbira minħabba l-pandemija bħal kull għaqda mhux biss f’Malta imma minn madwar id-dinja. Bla ma trid ikolna nżommu saqajna ma’ l-art, naraw il-baġit kemm ħa jkun, u nimxu minn hemm. Aħna mhux bħal għaqdiet oħra, aħna każin li għandu kollox, ibda mil-banda u armar, u tibqa’ sejjer san-nar. Kollox jiddependi mid-donazzjonijiet li jiġu l-aktar

mil-attivitajiet ta’ matul is-sena (fundraisers) li minħabba l-pandemija dawn ġew ristretti u xi żmien anke ma tħallewx isiru. Allura wieħed ma jistax joħlom ħafna għax il-finanzi huma dawk li huma, imma la darba l-affarijiet jitjiebu żgur li ħa nkomplu fuq dak li konna qed nagħmlu. Imma proġetti kbar huma dawk li huma. Biss biss biex tagħmel raddiena waħda sempliċi minn ta’ l-anqas tkun trid elf euro, biex tibda. Imma kunfidenti li ż-żmien għad jitjieb.”









 
 
 

Comments


Cultural © 2021 Daniel Mangion. Proudly created with Wix.com

bottom of page