top of page
Search

L-Unjoni San Andrija u l-Familja Camilleri Cauchi

  • Writer: Daniel Mangion
    Daniel Mangion
  • Jan 20, 2022
  • 2 min read

Peress li jiena noqgħod Ħal Tarxien, in-nar li jinħaraq fil-festa ta’ Ħal Luqa nisimgħu sew u anke narah sew minn fuq il-bejt. Il-festa Liturġika ta’ San Andrija issir f’Novembru u ġewwa Ħal Luqa l-festa Liturġika jiċċelebrawha bil-logħob tan-nar.


Il-festa ta’ Ħal Luqa minn dejjem kienet taffaxinani, infatti nkun kemmxejn diżapuntat meta il-festa tinzerta fiż-żmien tat-Tazza tad-Dinja għax iż-żewġ affarijiet huma għal qalbi u niddejjaq li jkolli nissagrifika xi ħin għal waħda minnhom. U minħabba f’hekk ħsibt li nikteb xi ħaġa marbuta ma’ din il-festa. Fix-xitwa saret il-festa liturġika u minn fuq il-paġna ta’ facebook laqtuni xi ritratti li tellgħu s-Soċjeta’ Filarmonika l-Unjoni fuq l-istatwa li nsibu fil-każin.

L-istorja ta’ din is- Soċjeta’ hi twila ħafna u hi antika ħafna tant li tmur qabel is-seklu 20.

“Is-Soċjeta’ Filarmonika L-Unjoni hi l-ewwel banda ta’ Ħal Luqa u twaqfet fis-sena 1880 mis-Surmast Belti Vincenzo Camilleri, bl-għajnuna ta’ uliedu Mro Gavinu u Mro Ferdinandu. Din il-familja stinkat sabiex rawmet l-ewwel mużiċisti Luqin u ħadet sehem fl-ewwel festa ta’ Sant’ Andrija fis-sena 1884. Il-Banda malajr kisbet popolarita’ u bdiet tiġi mistiedna sabiex tieħu sehem f’diversi festi ċivili u reliġjużi. Wara li Mro Gavinu Camilleri ħalla t-tmexxija mużikali, il-Banda kellha x-xorti jkollha bħas-Surmastrijiet preċedenti, b’uħud meqjusin mill-aħjar li kellna f’pajjżna bħal Mro Gaetano Grech u Mro Orlando Crescimanno.”


Għalkemm jiena xtaqt informazzjoni fuq statwa partikolari, is-soċjeta hi kemmxejn fortunata li minflok statwa waħda għandha tnejn! Għalkemm l-istatwi huma t-tnejn ta’ Camilleri Cauchi, saru minn żewġ aħwa Michael u Alfred.

Is-Soċjeta’ tagħna għandha żewġ statwi ta’ Sant’ Andrija. L-ewwel waħda nħadmet fis-sena 1985 minn Alfred Camilleri Cauchi u tintrama’ fuq pedestal fi Pjazza Sant’ Andrija. L-oħra saret fis-sena 1997 minn Michael Camilleri Cauchi u oriġinarjament saret għal emigranti Awstraljani. Pero, fid-dawl li l-festa fl-Awstralja naqset mill-entużjażmu, fis-sena 2018, l-istatwa ingħatat lis-Soċjeta’ tagħna u bdiet tinħareġ fil-festa liturġika tal-qaddis sabiex takkumpanja l-marċ organizzat mill-Banda L-Unjoni.”


Minkejja li diversi każini madwar Malta u Għawdex ikollhom l-istatwi tagħhom, ftit huma dawk il-każini li jingħatalhom permess biex jinħarġu fil-festa. Għal din is-soċjeta dan mhux il-każ.

“Iż-żewġ statwi jinħarġu matul is-sena, waħda fil-festa tas-sajf u l-oħra fil-festa liturġika.”


Mir-ritratti l-istawi jidhru li huma apprezzati ħafna u b’hekk jidhru li huma miżmumin fi stat tajjeb ħafna. U fil-fatt hekk hu, anzi sarulhom xi xogħlijiet fuqhom biex ikompli jsaħħaħ l-impressjoni li ħdat jiena li dawn jinsabu fi stat tajjeb ħafna.

“Dawn l-istatwi ġew restawrati fi snin riċenti mill-artisti rispettivi tagħhom u għalhekk jinsabu f’kundizzjoni tajba hafna.”


Jekk ftit tal-ġimgħat ilu l-futur kien jidher wieħed tajjeb, in-numri ta’ dawk li ntlaqtu mil-Covid-19 reġa kien wieħed sostanzjali, kemm f’Malta u kemm lil hinn minn xtutna. Għal darba oħra l-futur reġa’ jidher wieħed inċert għall-aħħar.

“Il-festi għandhom futur kemmxejn imċajpar. Il-fatt li hemm possibilta li l-festi jerġgħu ma jsirux żgur ma jgħinx biex jissaħħaħ il-moral tal-membri u partitarji, speċjalment dawk taż-żgħażagħ.”



 
 
 

Σχόλια


Cultural © 2021 Daniel Mangion. Proudly created with Wix.com

bottom of page