top of page
Search

Logħba ġostra f’ġieħ tal-Karmnu

  • Writer: Daniel Mangion
    Daniel Mangion
  • Jan 5, 2022
  • 2 min read

Meta jasal is-Sajf, ħafna Maltin iqattgħu xi ġranet ġewwa Għawdex… min ġo xi farmhouse, min ġo xi apartament u min ġo xi hotel. Min imur mawra sa Għawdex ħafna drabi ħa jqatta’ imqar xi ħin qasir, ġewwa x-Xlendi. Imma dan kollu x’għandu x’jaqsam mal-festi?


Inti u nieżel għax-Xlendi, ma tistax ma tarax il-kappella ddedikata lil Madonna tal-Karmnu. Il-festa tiġi ċċelebrata fl-aħħar ta’ Awissu jew il-bidu ta’ Settembru. Minħabba l-post tax-Xlendi, flejjes fuq briju ta’ barra hu limitat ħafna. Imma dan il-lokal ħaseb biex din il-festa jatiha karatteristika kemmxejn unika… dan għaliex isiru logħob fil-baħar fil-jiem tal-festa, fosthom il-famuża ġostra!


X’logħob isir fil-baħar?


“Fil-baħar l-ewwel logħba tinvolvi ħabel minn naħa għal oħra tul il-bajja, fejn jintrabtu 5 bnadar zagħar u il-parteċipanti jiddendlu fuq idejhom, bl-iskop li min jilħaq il-bandiera li tkun qiegħda l-aktar imbiegħda jiġi klassifikat fl-ewwel post. Wara issir il-ġostra, fejn jintrama’ arblu mimli xaħam bl iskop li min jilħaq il-bandiera l-aktar fil-bogħod jerbah. Imbagħad nitfgħu flixken ta’ l-inbid fil-baħar u l-parteċipanti jogħodsu għalihom. Għat-tfal din tkun kemmxejn differenti, fejn jintefgħu softdrinks fl-iswimming zone bl-iskop ukoll li jogħodsu għalihom. U fl-aħħar net isiru it-tlielaq bil-kenuri u bl-għawm tul il-bajja kollha.”


Biex ngħid il-verita qatt ma kont smajt b’din l-attivita… kollox beda meta morna għall-quddiesa fil-kappella fix-xitwa u saqsejt lil xi nies tal-lokal fuq il-festa. Allura meta smajt li jsiru dawn l-attivitajiet kollha kont qed naħseb li hi xi ħaġa riċenti. Imma kont żbaljat! Tant hu hekk li ilha ssir aktar minn mitt sena! Tant hu hekk li nsibu miktub li f’Awissu tal-1964 għamlet maltempata tant li xi djar imtlew bl-ilma. Il-famuż wied tax-Xlendi ħalla mpatt, tant li kaxkar l-arblu li kien jintuża fil-ġostra.


Imma sfortunatament dawn id-drawwiet bdew inaqqsu sew fil-popolarita. Tant li bħad-drawwiet antiki kollha, teżisti biża’ li xi darba dawn id-drawwiet jispiċċaw. Fi kliem din l-għaqda li tieħu ħsieb dawn l-attivatijiet, “Xlendi Ġostra”


“L-interess għal xi żmien kien naqas iżda dawn l-aħħar 10 snin reġa’ żied sew. Għal kompetizzjonijiet kollha jikkompetu bejn 10 u 15-il persuna, pero għal xi logħob partikolari oħra n-nies jiżdiedu. Il-ġostra ssir kull sena, xi logħob jinbidlu minn żmien għall-ieħor.”


Sfortunatament minħabba l-pandemija dan kollu waqaf ħesrem fl-aħħar sentejn. L-għan ta’ din l-għaqda jibqa’ dak li jsir fis-sajf li ġej, imma kollox jiddependi mil-miżuri minħabba l-pandemija! Jalla nerġgħu nibdew naraw il-ġostra fix-Xlendi mis-sajf li jmiss!




 
 
 

Comentários


Cultural © 2021 Daniel Mangion. Proudly created with Wix.com

bottom of page