top of page
Search

Manwel Buhagiar (1876-1965)

  • Writer: Daniel Mangion
    Daniel Mangion
  • Oct 19, 2021
  • 2 min read

Matul is-seklu dsatax naraw bidla fil-ħajja Maltija fl-element kulturali u soċjali, speċjalment fil-festa Maltija. Matul dan il-perjodu naraw karatteristiċi ġodda li bdew jiġu introdotti fil-festa Maltija, fosthom insibu il-mużika, in-nar, u l-introduzzjoni tad-dawl elettriku. F’dan l-ambjent żviluppat il-ħidma sabiex il-partitarji tal-festa jarrikkixxu l-knejjes tagħhom bl-ifjen kif ukoll iżejnu t-toroq tagħhom bl-isbaħ armar bħal statwi tal-kartapesta, pedestalli u trofej. F’dan l-istess perjodu ħafna parroċċi u fratellanzi (fejn jidħlu l-festi sekondarji) bdew jikkummissjonaw opri ġodda fil-knejjes tagħhom.


Kien f’dan l-isfond soċjali u kulturali li twieled fih Manwel Buhagiar, magħruf għal bosta xogħlijiet li jarrikkixxu l-knejjes tagħna. Buhagiar twieled il-Birgu fis-16 ta’ Diċembru 1876. Kien it-tieni wild ta’ Giuseppe u Carmela née Zahra. Missieru kien jaħdem mastrudaxxa fid-dockyard. Meta kellu 22 sena żżewweġ lil Ersilia Calì, li tiġi n-neputija tal-pittur famuż Giuseppe Calì, fil-parroċċa ta’ Ħal Tarxien. Manwel flimkien ma’ martu kellhom 13-il wild li minnhom 6 twieldu ħajjin fit-twelid. Il-familja Buhagiar bidlet ir-residenza tagħha diversi drabi, iżda fl-aħħar marru joqgħodu Raħal Ġdid, b’hekk kien qrib il-botegga tiegħu li kellu f’remissa kbira f’Ħal Tarxien. Manwel Buhagiar miet fis-27 ta’ Frar 1962 fl-età ta 85 sena u ndifen fiċ-ċimiterju tal-Addolorata.

Ftit nafu dwar il-bidu tal-karriera artistika tiegħu. L-informazzjoni li għadna dwar dan il-perjodu waslitilna mill-awtobijografija ta’ Buhagiar stess, kif ukoll mill-bijografija miktuba mit-tifel tiegħu stess. Buhagiar irċieva l-edukazzjoni artistika tiegħu kważi kollha f’Malta, sa issa ma sibna l-ebda referenza li mar jistudja t-tekninka tiegħu barra minn Malta. Hu ħa l-formazzjoni tiegħu fl-iskola tal-arti – Cottonera scuola del disegno taħt Lazzaro Pisani.


Matul il-formazzjoni tal-istudji tiegħu ltaqa’ ma diversi artisti li influwenzawh fl-istil u t-teknika tiegħu fosthom Vincenzo Cardona (skultur u dekoratur), Artiside Bonnici (skultur), Giuseppe Bonnici (pittur), Arturo Galdes, Salvatore Galdes (artist u craftsman) u Emanuele Decelis. Ħafna mix-xogħlijiet tiegħu huma influwenzati mill-Barokk Malti li kien għadu dominanti fis-seklu dsatax u għoxrin, kif ukoll mil-istil li kien juża Abraham Gatt u l-kotba tad-disinji.


Meta kellu inqas minn 20 sena kien diġà kkummissjonat biex jagħmel l-ewwel opri fil-knejjes Maltin. Fil-knisja ta’ San Leonardu f’Ħal Kirkop nsibu l-ewwel biċċa xogħol tiegħu fi knisja. Dan kien il-ventartal tal-Madonna tar-Rużarju li sfortunatament qiegħed fi stat ħażin ta’ preservazzjoni.


Xogħol ieħor tal-iskultur Buhagiar huwa l-pedestall tal-vara li fuqu hemm ix-xbiha ta’ San Pawl f’Ħal Safi. Dan ix-xogħol sar madwar is-sena 1939 kif indikat f’disinn li jinsab fis-sagristija tal-knisja. Wieħed jista’ jinnota iżda, li bejn dawn id-disinji u l-verżjoni finali li tinsab fil-knisja ta’ Ħal Safi nsibu xi varjazzjonijiet fl-istil ornamentali tiegħu. Ir-raġuni prinċipali għala seħħ dan huwa minħabba nuqqas ta’ spazju tal-knisja. Apparti dan li semmejna fil-Knisja tal-Koverżjoni ta’ San Pawl f’Ħal Safi Manwel Buhagiar għamel ukoll il-pedestall tar-relikwa ta’ Sa


n Pawl, sett ta’ tlettax-il gandlieri, disinn tat-terħa għall-artal maġġur, sopraporta għal fuq il-bieb prinċipali, il-gastri bil-fjuretti u l-ventartal tal-fidda (1963). Dan tal-aħħar huwa l-aħħar xogħol li għamel Manwel Buhagiar u li qatt ma laħaq rah lest għax miet sena qabel. Fatt interessanti huwa li fis-sagristija tal-knisja nsibu żewġ disinji tal-Orgni u tat-tużell li kienu maħsuba għall-knisja u qatt ma saru.


Meta wieħed iħares lejn ix-xogħlijiet artistiċi li ħallielna Manwel Buhagiar fil-knejjes tagħna jagħraf il-kapaċità kbira tiegħu, tant li ta libsa ġdida lill-knejjes tagħna fid-dekorazzjonijiet tiegħu fil-bidu tas-seklu għoxrin.




 
 
 

Comments


Cultural © 2021 Daniel Mangion. Proudly created with Wix.com

bottom of page