Mastru Xandru L-Iskultur
- Daniel Mangion
- Oct 5, 2021
- 2 min read
Alessandru Farrugia (1791-1871) twieled iż-Żejtun fit-2 ta’ Frar 1791, minn Ġużeppi u Domenica mwielda Abela. Fi tfulitu hu tgħallem is-sengħa tal-iskultura fil-ġebla, fl-injam u fil-kartapesta taħt Marjanu Gerada ġewwa Bormla, fejn ’il quddiem beda jaħdem bħala apprentist. Skulturi oħra li studjaw taħt Gerada kienu Salvatore Psaila u Pietru Pawl Azzopardi. Ix-xogħol u t-teknika ta’ Farrugia kienu influwenzati ħafna mill-imgħallem tiegħu.

Xandru Farrugia kien iħobb juża għajnejn żgħar iħarsu ’l isfel, geddum żgħir, kif ukoll nokklu xagħar maġenb il-widnejn, u xi drabi fil-parti ta’ quddiem tar-ras. Dawn il-karatteristiċi tant komuni fix-xogħlijiet ta’ Xandru Farrugia huma sinonimi wkoll fix-xogħlijiet ta’ Gerada. Element ieħor li jispikka fl-istatwi ta’ Farrugia huwa t-tip ta’ mnieħer li fit-termini artistiċi jissejjaħ ‘Mnieħer stil Ruman (Roman Nose)’. Ħaġa oħra li wieħed jista’ jinnota huwa l-mod kif id-drapp tal-ilbiesi jitħalla jaqa’ b’mod mill-aktar naturali minn fuq ir-riġlejn tal-persunaġġi tiegħu. Biss xi drabi kien jagħmel użu minn materjal ta’ kwalità inferjuri: jidher li hu kien jixtri njam imwarrab mill-mastrudaxxi tal-vapuri, li mbagħad kien jinkollah mal-injama ewlenija tal-istatwa li jkun qed inaqqax.
Fl-età ta’ 23 sena Alessadru Farrugia żżewweġ lil Marianna imwielda Camilleri, armla ta’ Ġużeppi Zahra, nhar it-8 ta’ Novembru 1814 fil-Knisja Parrokkjali taż-Żejtun. Minn dan iż-żwieġ hu kellu tmien ulied: Michele, Columba Rosa, Antonius, Giovanni, Anna Maria, Pawlu, Didacus, u Catarina Maria Theresa.
Bħala statwarju Farrugia kien versatili ħafna u ħadem xogħlijiet kemm għal Malta kif ukoll barra minn Malta. Wieħed malajr jista’ jinnota li l-iskultur għamel aktar opri artistiċi fl-injam milli fil-ġebla jew fil-kartapesta. Huwa interessanti ħafna li wieħed jinnota li tliet statwi titulari kkummissjonati lil Mastru Alessandru Farrugia, jiġifieri dik tal-Lunzjata għal Ħal Tarxien, dik ta’ Santa Marija għall-Mqabba, u dik ta’ San Pawl għal Ħal Safi, huma pjuttost kollha parroċċi viċin iż-Żejtun.
Alessandru Farrugia miet fir-residenza tiegħu fiż-Żejtun, f’numru 38, Triq il-Madonna tal-Bon Kunsill nhar l-4 ta’ Diċembru fl-età ta’ 80 sena. Ġie midfun fil-kannierja tal-Knisja parrokkjali tal-istess parroċċa. Wara l-mewtu, ibnu Giovanni kompla fuq il-passi ta’ missieru u l-bottega kompla fiha hu.

Comments