Min jgħix bit-tama ...
- Daniel Mangion
- Dec 28, 2021
- 2 min read

Ħafna minna ittamajna fl-2021. Ittamajna li ħa nerġgħu lura għal li konnha. Ittamajna li ser tispiċċa il-pandemija. Ittamajna li ser inkunu qed nerġgħu naraw lill-patruni tagħna iduru mal-bliet u l-irħula tagħna, mad-daqq tal-banda, it-talb u t-taqbiliet tad-devoti. Ittamajna li nerġgħu nkunu nistgħu nieħdu sehem fil-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira, il-pellegrinaġġi tant devoti ta’ Marija Addolorata, li naraw il-folla tifraħ ma’ kull ġirja bi Kristu Rxoxt.
Iva anke jien ittamajt. Imma mill-ewwel is-sena bdiet turi snienha. Ma damitx ma bdiet is-sena li ma tħassrux il-festi esterni ta’ San Pawl il-Belt, u ftit ġimgħat wara sirna nafu wkoll li l-knejjes kienu ser jerġgħu jingħalqu mill-ġdid u addio purċissjonijiet tal-Ġimgħa Kbira. Ftit wara sirna nafu wkoll li anqas il-festi tas-sajf, kif nafuhom aħna, ma kienu ħa jsiru. Bqajt nittama anke li ser toħroġ il-Kunċizzjoni, imma anqas dan ma kellu jkun.

Allura ittamajna għalxejn!? Jekk tiffoka fuq dan biss, tgħid li din kienet sena oħra moħlija, sena fejn is-skiet li jtarrax u l-baħħ, kompla jkisser dak li aħna tant inħobbu. Imma ejja għall-mument inħarsu u nkunu kburin b’dak li aħna id-dilettanti tal-festi rnexxielna nwettqu u ngħixu matul din is-sena.
Vera li l-Patruni tagħna ma dawwarnihomx mal-bliet u l-irħula, imma konnha aħna li morna fit-tempji ddedikati lilhom sabiex niċċelebraw u ngħixu l-Ewkaristija li huma b’tant ħeġġa xandru. Xorta waħda armajna l-ifjen armar fit-toroq tagħna biex inwasslu l-messaġġ li l-ġimgha tal-festa tibqa’ dejjem il-ġimgħa tal-festa. Lill-qaddisin tagħna fakkarnihom bl-aqwa ċelebrazzjonijiet interni, bl-ifjen mużika, u bl-aktar paniġierki mirquma, li jarrekkixxu il-liturġija tal-festa Maltija. Ħutna id-dilettanti tan-nar kienu hemm ukoll sabiex, bl-arti tagħhom jixgħelu s-smewwiet bil-kuluri tal-piroteknika Maltija, u jselmu lill-patruni. Xi ħaġa pożittiva oħra matul din is-sena kienet li mill-ġdid stajna nagħmlu is-Seba’ viżti lil Ġesu Ewkaristija, nhar Ħamis ix-Xirka, waqt li bħal ragħda stajna nerġgħu ngawdu il-ħoss tant profond taċ-ċuqlajta.

Iżda mhux biss. Kienu diversi għaqdiet li raw kif għamlu sabiex huma wkoll ikunu jistgħu jilħqu lil dawk ħutna li ma setgħux joħorġu minn darhom. Illum li qegħdin ngħixu fl-epoka fejn il-media soċjali hija għodda tajba ħafna, kienu ħafna li użaw dan il-mezz sabiex wasslu leħinhom permezz ta’ diversi programmi u livestreams, ħalli jkunu ta’ kumpanija fiż-żmien tal-festa, il-Ġimgħa l-Kbira u anke il-Milied. Rajna wkoll diversi għaqdiet li fis-skiet u mingħajr ħafna daqq ta’ trombi komplew mhux biss jaħdmu għal festa imma wkoll bdew irawwmu tfal u żgħażagħ oħra sabiex ikunu parteċipi fil-festa. Jekk ma għalmitna xejn l-2021 għalmitna li min jgħix bit-tama, għandu jaħdem biex hu jkun it-tama għall-oħrajn. U hekk ġara. Konna tama ta’ għada aħjar mill-lum. Tama li dak li għaddejjin minnu għad jgħaddi u nerġgħu lura għan-normal. Tama li ser teħodna fl-2022. X’ser jiġri ma nafux. Imma it-tama ma tmut qatt. Il-fidi ma tmut qatt. Il-Festi Maltin ma jmutu qatt. Għax sakemm hemm it-tama, il-fjamma tal-ħeġġa, tibqa ħuġġieġa f’qalbna. Nawgurawlkom minn qalbna is-sena it-tajba.

Commenti