Mingħand Titu għall-kamra ta' Burmarrad
- Daniel Mangion
- Oct 12, 2021
- 2 min read
Nammetti li l-logħob tan-nar u l-arti piroteknika toġgħobni ħafna. Mhux biss il-prodott finali li narawh jinħaraq fl-ajru jew fl-art, imma anke l-mod kif ikun qed jinħadem. Qatt ma mort f’kamra tan-nar imma familjari li jaħdmu n-nar għandi.

Waħda mil-festi viċin tar-raħal twelidi hi dik ta’ San Ġwann. Fi ftit snin din il-festa saret titqies waħda mil-kbar fejn jidħol piroteknika fir-reġjun ċentrali ta’ Malta. Tkellimna mal-President tal-Għaqda Piroteknika 11 ta' Frar San Ġwann, is-Sur Francis Xuereb, li laqa’ t-talba tagħna għal din l-intervista ċkejkna b’tant entużjażmu.
Skond l-informazzjoni fuq Facebook ta’ din l-għaqda, kollox beda fl-1986. Kif beda kollox?
“Bħala għaqda bdejna billi l-ewwel konna nixtru n-nar għal festa mingħand għaqdiet/kmamar ohrajn. Aħna bdejna billi konna niltaqgħu f’ħanut jismu Titu ġewwa San Ġwann stess, u konna noqgħodu ngħidu kelma flimkien u nippjanaw kollox hemmhekk. Maż-żmien imbagħad ħsibna biex nibdew naħdmu xi ħaġa aħna, pero minħabba li ma kelniex kamra sa dak iż-żmien konna mmorru naħdmuh għand kmamar tan-nar oħra. Fl-1991 sibna biċċa art ġewwa Burmarrad u minn dakinhar komplejna naħdmu in-nar aħna stess għal festa tagħna.”
Minkejja li forsi bħala żmien forsi mhuwiex daqshekk antik, fi 30 sena il-kamra żgur li għaddiet minn mumenti feliċi u oħrajn inqas sbieħ. Infatti l-għaqda rat riżultati pożittivi fil-kompetizzjonijiet li ħadu shem fihom u inċidenti sfortunatament raw ukoll.
“Fost l-isbaħ memorji tal-għaqda tibqa’ meta kelna l-ewwel kamra tan-nar. Bla ma trid, meta jkollok kamra tiegħek tista’ tibda taħdem in-nar għal festa tiegħek b’aktar kumdita, u allura tibqa’ fost l-isbaħ memorji għalina. Esperjenza sabiħa ukoll hi meta kkompetejna fil-festival tan-nar mekkanizzat ġewwa l-fosos tal-Furjana u tant kelna prodott tajjeb li spiċċajna fir-4 post minn fost diversi għaqdiet li ħadu sehem u minkejja li xi uħud minnhom kellhom ħafna aktar esperjenza minna. Esperjenza ukoll li ma tintesiex imma li ma ħallitx memorja sabiħa hi dik tal-inċident li kelna fl-2018 fejn sfortunatament tilef ħajtu bniedem.”
L-arti piroteknika mhijiex faċli għan-nies involuti, u bħal kull xogħol volontarju ieħor jiġu mumenti fejn wieħed ikun ħa jċedi. Bla ma jrid, speċjalment wara xi incident, jibda jaħsibha darbtejn jekk għandux ikompli.
“Aċċident bħal dak bil-fors li jaqtgħalek kemmxejn qalbek… Mhux biss għax jitlef ħajtu persuna, imma bla ma trid tibda taħseb għalfejn qed tagħmel dak ix-xogħol kollu senza interessi b’riskju kbir għal ħajtek. Jiġu ukoll mumenti diffiċli fejn jidħlu finanzi li ukoll jaqtgħulna qalbna imma sa issa, dejjem rnexxielna negħlbuhom.”
Saqsejtu kif qed jara l-futur għal festa ta’ San Ġwann u jekk il-pandemija ħallitx xi effetti, speċjalment meta wieħed jara li l-festa ta’ San Ġwann kienet qed taqbeż il-kwalita li tkun laħqet minn festa għal oħra.
“Minn dak li qed naraw, il-futur tal-għaqda tagħna jidher wieħed sabiħ u pożittiv. Il-festa qed naraha tikber u r-rispons tan-nies kiber ġmielu. Infatti sirna nirċievu ħafna messaġġi wara l-festa u anke d-donazzjonijiet li bdejna nirċievu qed juruna li n-nies qed tapprezza x-xogħol tagħna u tixtieq tara aktar mingħandna. Imqabbel ma’ rħula oħrajn maħniex dawk l-aktar imfittxija, pero isem l-għaqda tagħna qiegħed jissaħħah u qiegħed jikseb ir-rispett ta’ diversi dilettanti oħra. Covid-19 affetwatna ftit ħażin bħal kulħadd, imma ma nixtiqux insemmuha fin-negattiv biss. Minħabba li ma konniex iffukati daqshekk biex naħdmu n-nar, il-ħin tagħna użajnih għal diversi proġetti li xtaqna nagħmlu imma minħabba l-festa dejjem konna qed nispiċċaw ma nagħmlux. Biss biss hija l-ewwel darba li għamilna n-nar ta’ l-art għalina minbarra diversi proġetti ta’ manutenzzjoni li għamilna fil-kamra.”

Comentários