top of page
Search

Minn Calabria għall-Belt Valletta... Il-vjaġġ ta’ Preti

  • Writer: Daniel Mangion
    Daniel Mangion
  • Nov 9, 2021
  • 2 min read

Riċentament kelli x-xorti mmur il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Hemm ġew tkun qisek f’ġenna ta’ arti u skultura rikka, monument kolossali li ħallewlna l-Kavallieri ta’ San Ġwann. Fost ix-xogħlijiet li ma waqaftx nitpaxxa nħares lejh kien hemm is-saqaf li hu kapolavur ta’ Mattia Preti.


Preti, twieled fil-belt żgħira ta' Taverna f'Calabria, 24 ta’ Frar 1613. Jaħsbu li l-ewwel taħriġ tiegħu kien mal-"Caravaggist" Giovanni Battista Caracciolo u dan jista' jispjega l-interess li kellu matul ħajtu kollha fl-istil ta' Caravaggio.


X'aktarx qabel l-1630, Preti mar Ruma fejn diġà kien hemm ħuh Gregorio li kien pittur ukoll. Hemmhekk trawwem fit-tekniki ta' Caravaggio u tal-iskola tiegħu u studja wkoll ix-xogħol ta' Guercino, Rubens, Reni u Giovanni Lanfranco.


Preti f’Ruma, pinġa sensiela ta' affreski f'Sant'Andrea della Valle u oħra f'San Carlo ai Catinari. Pinġa wkoll affreski għall-knisja ta' San Biago f'Modena (madwar l-1651–2) u ħa sehem fid-dekorazzjoni bl-affreski ta' Palazzo Pamphilj f'Valmontone (dokumentat 1660-61).


Matul il-parti l-kbira ta' snin bejn l-1653 u l-1660, ħadem Napli, fejn kien influwenzat mill-pittur il-kbir l-ieħor Naplitan tal-perjodu, Luca Giordano. Wieħed mill-kapulavuri ta' Preti kienet sensiela ta' affreski kbar bħala ringrazzjament għall-ħelsien mill-pesta li pinġa fuq is-seba' bibien tal-belt. Wieħed mill-abbozzi juri l-Madonna bil-Bambin tħares fuq in-nies imutu bil-pesta u d-dfin tagħhom, qisu "Ġudizzju Universali" presedut minn mara. Is-salarju ta' Preti għal dan ix-xogħol kien ta' 1,500 dukat. Preti ħa ordni wkoll biex jieħu ħsieb il-bini, l-iskultura u induratura tan-navi u l-kappelluni tal-knisja ta' San Pietro a Maiella.


Preti żar Malta fl-1659 wara li kien inħatar Kavallier tal-Grazzja tal-Ordni ta' San Ġwann u għadda l-parti l-kbira tal-bqija ta' ħajtu hemm. Fil-Belt Valletta żejjen is-saqaf tal-Knisja Konventwali tal-Kavallieri b'sensiela ta' pitturi kbar li juru l-ħajja u l-martirju ta' San Ġwann Battista (1661–1666). F'Malta nsibu ħafna pitturi ta' Preti f'kollezzjonijiet privati u fil-knejjes parokkjali u kappelli. Il-fama tiegħu kibret u kellu ordnijiet mill-Ewropa kollha. Skont l-istoriku tal-arti Antonio Sergi, Mattia Preti Malta pinġa madwar 400 pittura.


Preti kellu x-xorti li għex ħajja twila u pproduċa għadd kbir ta' xogħlijiet. Il-pitturi tiegħu, rappeżentanti tal-istil eżuberanti tal-Barokk tard, insibuhom f'ħafna mużewijiet ewlenin. Fost il-kollezzjonijiet importanti hemm dawk ta' Napli, tal-Belt Valletta u ta' Taverna, belt twelidu.


Mattia Preti miet il-belt Valletta, nhar it-3 ta’ Jannar 1699.





 
 
 

Comments


Cultural © 2021 Daniel Mangion. Proudly created with Wix.com

bottom of page