top of page
Search

Minn Greccio għal Malta - Il-Vjaġġ tal-Presepju

  • Writer: Daniel Mangion
    Daniel Mangion
  • Dec 1, 2021
  • 2 min read

Kull min jafni jaf l-presepju dejjem ħabbejtu. Jien trabbejt il-Mużew, u mis-sajf sal-aħħar ta’ Novembru ma konniex nieqfu nagħmlu grotti, bambini u pasturi tal-ġibs. Wara li waqaft mill-mużew kellha tkun is-sena li għaddiet sakemm erġajt għamilt presepju ieħor. Waqt li is-sena li għaddiet għamilt presepju mill- ġebla franka, dis-sena għamilt ieħor, bil-jablo u l-karta pesta.


Imma il-presepju kif daħal fil-kultura Maltija? Il-Presepju kien inħoloq fi Greccio minn San Franġisk fl-1223. Data eżatta ta' meta sar l-ewwel presepju f'Malta ma għandniex, iżda jingħad li fil-knisja tad-Dumnikani fir-Rabat, kien jintrama presepju sa mill-1617. Il-materjal li ntuża sabiex jinbena dan il-presepju ma għandniex informazzjoni dwaru. Sfortunatament dan il-presepju ma għadux jeżisti. Min-naħa l-oħra fil-Monasteru tas-Sorijiet Benedittini, fl-Imdina, għad hemm presepju li nħadem fl-1826 minn Benedetto Papale.


L-ewwel presepju mekkanizzat f’Malta jiġi attribwit lil ċertu Anontio Muscat Fenech. Dan il-presepju kien jintrama f’Ħal Qormi. Barra dan hemm ukoll dokumentat li ċertu Duminku Pace kien jarma presepju kbir mekkanizzat f’ Tas-Sliema, fl-1877.


L-istil tal-presepju Sqalli, kien u għadu popolari mal-Maltin u dan jixdhu l-ħafna karatteristiċi li adottajna minn dan l-istil għall-presepju Malti. Il-presepju, b’mod partikolari dak stil Malti, ħa spinta sew il-quddiem fil-bidu tas-seklu dsatax. Dan aktarx minħabba l-fatt li għal din il-ħabta bdew jinħadmu l-pasturi bil-forom u allura il-prezz tagħhom kien ħafna irħas minn dawk skolpiti bl-idejn, u għalekk kien jintlaħaq aktar mill-popolin. Kien ukoll matul dan iż-żmien li dehru f’Malta l-ewwel pasturi tat-tafal bil-kostum Malti. Dawn kienu ta’ qies u prezz li setgħu jinxtraw minn kulħadd u kienu wkoll jirrapreżentaw diversi snajja jew tradizzjonijiet Maltin, fost oħrajn, l-għannejja, u d-daqqaqa tal-kitarra , taz-zaqq u t-tambur, il-furnar, ir-ragħaj u l-bidwi.


Kien imbagħad grazzi għal San Ġorġ Preca li l-presepju inxtered għand ħafna aktar tfal u familji. Dan għaliex huwa xtaq li it-tfal kollha li jattendu l-mużew jingħataw presepju jew bambini bħala premjazzjoni tal-milied, tradizzjoni li għada ħajja sal-ġurnata tal-lum


Maż-żmien daħlu stili, forom u anke ideat differenti ta’ presepji f’Malta. Li hu żgur huwa li l-vjaġġ li minn Greccio wassal il presepju f’Malta hemm idea tiegħu meta sar, imma issa sta għalina li nżommu ħajja din it-tradizzjoni li tixhed il-vera senas tal-Milied.








 
 
 

Comments


Cultural © 2021 Daniel Mangion. Proudly created with Wix.com

bottom of page