top of page
Search

San Ġużepp tax-xitwa

  • Writer: Daniel Mangion
    Daniel Mangion
  • Nov 2, 2021
  • 3 min read

Meta kont tifel, kont nisma’ ħafna kliem ta’ tifħir lejn din il-festa, imma minħabba li tiġi ċċelebrata bil-kbir fix-xitwa (f’Marzu) u minħabba li tinzerta fiż-żminijiet tal-eżamijiet, qatt ma kont mort. Ftit snin ilu attendejt l-ewwel darba u bqajt impressjonat b’kemm in-nies imorru bil-ħeġġa u b’devozzjoni ghal din il-festa. Forsi minħabba li jien ġej minn parroċċa Ġużeppina, pero lil San Ġużepp minn dejjem kien qaddis li kien jiġbidni.


Ir-Rabat jinsab pass ‘il bogħod mil-Imdina, u ir-Rabat ukoll jista’ jitqies bħala belt antika, tant li wieħed isib fdalijiet Rumani. Kif bdiet din il-festa? Minn fejn beda kollox? Kollox beda mil-iskop oriġinali tal-fratelli, dik li jingħaqdu flimkien minħabba xi sengħa partikolari bl-għan li jgħinu lil xulxin meta jiġi l-bżonn. U fir-Rabat xejn anqas, tant li bħala ‘għaqda’ wieħed isib evidenza li kienet teżisti fil-Medju Evu!


“L-Arċikonfraternita’ ta’ San Ġużepp tar-Rabat tal-Imdina tmur lura qabel 1245. Il-bidu tagħha huwa li ħafna mastrudaxxi mill-belt tal-Imdina u mir-Rabat ingħaqqdu u waqqfu l-Arċikonfraternita’ taħt il-ħarsien ta’ San Ġużepp.”



Minħabba li l-festa ssir fix-xitwa, it-temp hu iktar instabbli, u sew riħ u sew xita, f’din il-festa huma żewġ fatturi komuni li jiltaqgħu magħhom. It-temp hu fattur li jaqta’ qalb lid-dilettanti ta’ San Ġużepp? Mhuwiex il-każ, anzi fi kliem ta’ din l-għaqda stess, festa xitwija hi ta’ unur għalihom.


“Aħna li niċċelebraw il-festa tagħna fis-solennita’ ta’ San Ġużepp nhar id-19 ta’ Marzu. Huwa ta’ unur u privileġġ aktar mill-qtiegħ il-qalb. Aħna dejjem sostejna li l-ewwel u l-akbar festa irridu nagħmlu fuq ġewwa kif dejjem ġara għal aktar minn 500 sena minn kemm ilna niċċelebrawh f’dan il-jum, saħansitra f’Malta 113-il sena qabel il-knisja universali. It-temp huwa sfida kbira għalina ma nistgħux naħarbu minnu, imma meta t-temp jippermetti għalina huwa ta’ ferħ kbir u kulħadd jaf x’festa kbira ngħamlu fir-Rabat tal-Imdina f’ġieħ San Ġużepp b’mod partikolari l-marċ tas-siegħa u l-purċissjoni tant devota. L-armar kemm it-temp xitwi u kemm is-sħana tas-sajf jgħamlu fuqu ħsarat kbar, l-importanti dejjem il-manutenzjoni tiegħu ta’ matul is-sena biex kemm jista’ jkun iżżommu fl-aħjar stat li wieħed jista’.”



Minħabba storja twila ta’ din l-arċikonfraternita, wieħed jista’ jimmaġina kemm hemm mumenti sbieħ li wieħed jibqa’ jiftakar. Jekk wieħed jgħaddi sar-Rabat u jistaqsi lil xi anzjan, liema mument sabiħ jiftakar abbinat mal-festa Ġużeppina, ma jistax ma jsemmix is-sena 1963, mument li damu jistennew imma kien mument li wera kemm wieħed m’għandux jaqta’ qalbu.


“Ovvjament l-Inkurunazzjoni huwa l-akbar avveniment fl-istorja tal-Arċikonfraternita’ meta wara bosta tentattivi fl-1956 ħareġ il-permess mill-Vatikan mill-Papa Piju XII, fejn l-istatwa antika u devota ta’ San Ġużepp magħrufa f’Malta bħala San Ġużepp ix-Xiħ tista tiġi nkurunata, liema inkurunazzjoni seħħet fl-1963 li iżda kella issir fl-1958. Hawnhekk il-fratellanza għaddiet minn żmien sabiħ ħafna imma fl-istess ħin minn żmien diffiċli ħafna, meta kien inqala’ xi nuqqas ta’ ftehim mal-patrijiet Franġiskani u l-Inkurunazzjoni kellha tiġi posposta mis-sena 1958 għas-sena 1963 li saret fl-1 ta’ Mejju fuq il-Fosos tal-Floriana. Ovjament il-fratelli għaddew minn żmien iebes ħafna mis-sena 1920 meta bdew jiproponu din l-inkurunazzjoni li għall-bidu ma kinetx triq faċli hekk kif ġew irrifjutati diversi talbiet u tentattivi li saru. L-Inkurunazzjoni saret mill-E.T. Mons. Michael Gonzi, u l-Kuruni li ġew imtella’ f’isem il-Poplu Malti mill-Prim Ministru Dott. George Borg Olivier u Sir Anthony Mamo.”


U fil-futur x’hemm pjanat? Ħa nerġgħu naraw lil San Ġużepp jiġi ċċelebrat b’tant devozzjoni? Iż-żgħażagħ għadhom jagħmlu parti mil-festa?


“Nirringrazzjaw lil Alla li l-futur jidher sabiħ u eċċitanti hekk kif tara bosta żgħażagħ li jieħdu interess kemm fl-armar tal-Knisja u ta’ barra, kif ukoll li jaħdmu fil-kamra tan-nar u kif ukoll fil-Każin tal-Banda liema entitajiet huma dawk prinċipali biex il-festa tibqa’ tikber u tissoda.”




 
 
 

Comments


Cultural © 2021 Daniel Mangion. Proudly created with Wix.com

bottom of page