Ġmiel Franċiż, teżor f’Tas-Sliema
- Daniel Mangion
- Sep 7, 2021
- 2 min read
Jekk titkellem ma’ diversi nies, kif issemmilhom Tas-Sliema l-ewwel li jiġihom f’moħħhom huwa xi ħanut tal- ħwejjeġ, post tad-divertiment, xi ristorant tajjeb, jew xi post tajjeb għall-għawm. Iżda għalija u diversi ħbieb tiegħi Tas-Sliema huwa għalina xalata ta’ armar, knejjes lussużi u nar tal-ajru spettakolari, li jixgħel il-port ta’ Marsamxett b’kuluri mill-isbaħ.
Fost il-festi li nsibu Tas-Sliema, hemm dik ta’ Stella Maris. Il-Knisja ta’ Stella Maris infetħet fl-1855 u fl-1878 saret parroċċa, bl-ewwel kappillan ikun Dun Vincenz Manchè.

Wara rikors li sar mill-Kappillan Manchè fl-1886, fid-29 t’Awwissu tal-istess sena, ħarġet purċissjoni mill-knisja ta’ Stella Maris, li skont rapporti fil-ġurnali lokali, din il-purċissjoni saret bi statwa ċkejkna. Sena wara din il-vara inbidlet għal waħda ta’ Vincenzo Cremona, li l-bottega tiegħu kienet ftit metri biss ’il bogħod mill-knisja. Tali vara baqgħet titgawda sal-festa tal-1890, cioè sa meta nħasset il-ħtieġa li ssir oħra. Il-vara l-ġdida saret mid-ditta Froc Robert et Fils, ta’ Pariġi, fuq disinn ta’ Dun Nerik Sajan. Din il-vara ġiet tiswa lill-parruċċani fuq mitt sterlina, u magħha saru wkoll pedestall, xogħol l-iskultur Paolo Bugeja, bl-induratura ta’ Giuseppe Farrugia, filwaqt li l-bradella u l-bankun saru minn Giacomo Debono.
L-istatwa waslet Malta fuq il-vapur Abd el-Kader, li daħal fil-Port il-Kbir fil-11 t’Awwissu 1891. Iżda kien biss ħamest ijiem wara li l-vara ta’ Stella Maris waslet tas-Sliema fost briju mill-partitarji u daqq mill-Banda ‘I Cavalieri di Malta’.
Fl-1915 id-ditta Coleiro tal-Belt Valletta ġiet ikkummissjonata sabiex tieħu ħsieb l-induratura u l-iżgraffjar ta’ din il-vara. Min-naħa l-oħra, fl-1931 ġew imżanżna bradella u bankun ġdid fuq disinn tas-Slimiż u devot kbir ta’ Stella Maris, Giuseppe Carabez. Waqt li x-xogħol ta’ skultura sar mill-istess Giuseppe Carabez, il-bradella u l-bankun kienu saru minn Carmelo Borg tar-Rabat.
Fit-Tieni Gwerra Dinija tas-Sliema ma ħelsitiex ħafif, tant li fit-2 ta’ Marzu 1942 il-knisja ta’ Stella Maris ġiet milquta mill-bombi tal-għadu u ħalliet ħerba. Iżda fost dak it-tifrik kollu l-vara tant-devota mill parruċċani ma ġarrbet l-ebda ħsarat maġġuri, għajr ftit ħsarat żgħar li ġew irranġati waqt intervent ta’ restawr mill-Għawdxi Wistin Camilleri. Wara dan ir-restawr kienu saru wkoll żewġ interventi oħra wieħed fl-1970 u l-ieħor fl-1990, fejn saret l-induratura mill-ġdid tal-pedestall u tal-isħaba li fuqhom tpoġġi l-Madonna.
Fl-2020 beda l-progett ta’ restawr estensiv ieħor fil-bottega ta’ Horace Farrugia fl-Imdina. Il-proġett beda f’Settembru tas-sena li għaddiet bir-restawr tal-pedestall u f’Jannar ta’din is-sena kompla bir-restawr tal-vara. Waqt li kien għaddej dan il-proġett kienet għaddejja wkoll ħidma sabiex tiġi restawrata l-bradella u l-bankun minn Charles Borg tal-Ħamrun. Dan il-proġett ta’ restawr tlesta u ġie inawgurat nhar it-Tnejn 16 t’Awwissu 2021, ċioè fil-130 sena anniversarju minn meta l-poplu Slimiż b’imħabba u devozzjoni laqa’ fi ħdanu x-xbieha ferm sabiħa tal-Kewkba tal-Baħar, Stella Maris.

Comments